Saturday, October 25, 2025

Premier League Ingliż: Arsenal jilqgħu f’darhom lil Crystal Palace, Man City imorru għand Aston Villa

Aqra wkoll

Bil-leaders Arsenal u t-team ta’ warajhom, Manchester City, ikunu f’darhom u barra minn darhom rispettivament meta fi tmiem il-ġimgħa se jintlagħab id-disa’ programm tal-Premier Leagtue Ingliż, iż-żewġ timijiet se jkollhom avversarji perikolużi qud­diemhom.

Il-Gunners se jkunu fl- Emirates Stadium biex jiltaqgħu kontra Crystal Palace f’Derby ta’ Londra għada wara nofsinnhar meta huma qed igawdu tliet punti vantaġġ fuq is-City waqt li l-Palace huma t-team li kien l- aħħar wieħed li ġie megħlub fil-kampjonat dan l-istaġun.

Fost il-ġimgħa Arsenal kisbu rebħa kbira 4-0 fuq Atletico Madrid fiċ-Cham­pions League waqt li t-team ta’ Oliver Glasner kien involut f’telfa kontra ċ-Ċiprijotti, AEK Larnaca, fil-Conference League f’Selhurst Park waqt li anke s-City rebħu 2-0 kontra Villarreal fiċ-Champions League fi Spanja.

Bħall-Palace, Arsenal sofrew telfa waħda fil-kampjonat waqt li anke għandhom l-aħjar differenza tal-goals. Min-naħa tagħhom l-Eagles tilfu għall-ewwel darba żewġ logħbiet ilu, iżda fl-aħħar logħba kienu nvoluti fi draw eċ­ċitanti ta’ 3-3 kontra Bournemouth meta l-eroj tagħhom kien Jean-Philippe Mateta li skorja hat-trick.

Manchester City se jkunu f’Villa Park biex jiffaċċjaw lil Aston Villa, u minkejja li bdew b’żewġ telfiet fl-ewwel tliet logħbiet il-manager Pep Guardiola donnu li ssoda l-vapur grazzi għall-goals li qed ikompli jiskorja n-Norveġiż, Erling Haaland.

Iżda huma se jkollhom ostaklu diffiċli fit-team ta’ Unai Emery li issa jinsab għaddej minn sensiela pożittiva ta’ ħames logħbiet bla telfa fil-kampjonat u 22 bla telfa fil-kompetizzjonijiet kol­lha f’darhom.

Illum m’hemmx logħba għall-ħin tal-ikel waqt li wara nofsinhar hemm tnejn fejn Chelsea jilqgħu lil Sunderland u Newcastle lil Fulham bil-Blues jinsabu fis-seba’ sema wara r-rebħa 5-1 kontra Ajax fiċ-Champions League u l-Magpies ukoll kellhom rebħa deċiżiva ta’ 3-0 kontra eks champions Ewropej ukoll, Benfica.

Ir-rebħa ta’ Chelsea rat bosta players żgħażagħ fit-team ta’ Enzo Maresca li anke niżżlu isimhom fost l-iskorers. Huma għandhom ikunu tajbin biżżejjed biex jegħlbu lil Sunderland li fost it-timijiet promossi kel­lhom l-aħjar bidu meta minn tmien ħarġiet ħadu erba’ reb­ħiet, żewġ draws u żewġ telfiet li qed jarawhom jaqsmu l-ħames post mal-is­tess Chelsea u Tottenham.

Iżda mhux l-istess jista’ jingħad għal Newcastle li qed jokkupaw l-14-il post b’disa’ punti.

Min-naħa ta’ Fulham, dawn ġejjin minn tliet telfiet konsekuttivi, l-aħħar waħda 1-0 kontra Arsenal. Għalhekk iridu joqogħdu attenti li ma jinqabdux fuq sieq ħażina.

Il-logħba tas-6.30 pm tara lil Manchester United jiffaċċjaw lil Brighton f’Old Trafford, li jagħtu logħba lil kulħadd f’darhom u mhux.

Il-United ġejjin minn żewġ rebħiet, l-aħħar waħda kontra Liverpool f’Anfield li għollitilhom il-moral meta kienet l-ewwel waħda li kisbu għand ir-Reds fl-aħħar 10 snin.

L-eks captain, Harry Ma­guire, kien l-eroj tal-United wara li Bryan Mbuemo kien poġġihom fil-vantaġġ wara biss żewġ minuti.

Min-naħa tas-Seagulls huwa veru li jinsabu fl-10 post iżda huma mifrudin bi tliet punti biss minn Liverpool li jinsabu r-raba’.

Intant, iċ-champions se jkunu fl-azzjoni tard illum meta jmorru għand Brentford li jinsabu fit-13-il post ħames punti warajhom.

Nhar l-Erbgħa Liverpool waqqfu sensiela ta’ erba’ telfiet meta nfexxew fil-Ġermaniżi Eintracht Frankfurt li għelbuhom 5-1 f’pajjiżhom minbarra li anke l-logħba tagħhom kienet pożittiva.

Min-naħa tal-Bees huma ġejjin minn rebħa 1-0 kontra West Ham fil-London Sta­dium it-Tnejn li għadda f’logħ­ba li huma kienu superjuri b’detriment għall- Hammers u l-manager ġdid, Nuno Espirito Santo, li kie­nu fl-azzjoni l-bieraħ filgħa­xija kontra Leeds United.

Imbagħad għada se jintlagħbu ħames logħbiet oħra fejn waħda minnhom hija kuntrastuża għall-fatt li Bournemouth, li se jkunu fil-Vitality Stadium kontra Nottingham Forest, għaddejjin minn forma ferm differenti għall-fatt li ċ-Cherries jinsabu t-tielet bi 15-il punt bħal Liverpool u l-Fo­rest t-tielet mill-aħħar b’ħa­mes punti biss.

Dan meta fl-istaġun li għadda t-team tal-East Midlands għamel ħafna żmien jokkupa post fl-ewwel erbgħa.

It-team ta’ qiegħ il-klassifika mingħajr l-ebda rebħa u żewġ punti biss x’juri, Wolves, se jkunu f’Molineux biex jilqgħu lil Burnley li jinsabu r-raba’ mill-aħħar b’seba’ punti.

Wolves sfaw megħluba minn Sunderland fl-aħħar logħba wara żewġ draws inkoraġġanti ta’ 1-1 kontra Tottenham u Brighton.

Għaldaqstant, telfa oħra tkompli tressaqhom lejn iċ-Championship għalkemm ikun fadal 29 logħba oħra għat-tmiem.

Il-logħba li tagħlaq il-programm hija dik fil-Hill Dic­kenson Stadium li fiha Everton jiffaċċjaw lil Tottenham li nhar l-Erbgħa spiċċaw draw 0-0 fiċ-Champions Lea­gue kontra Monaco fil-Prinċipalitá wara li fil-kampjonat Spurs tilfu 2-1 f’darhom kontra Aston Villa u Everton tilfu 2-0 kontra Manchester City barra minn darhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport