Saturday, March 14, 2026

Premier League Ingliż: Arsenal jilqgħu lil Everton f’partita delikata

Aqra wkoll

Il-leaders Arsenal se jkunu fl-Emirates Stadium biex jilqgħu lil Everton meta fi tmiem din il-ġimgħa se jintlagħab it-30 programm tal- Premier League Ingliż.

It-team ta’ warajhom, Manchester City, li jinsabu xxukkjati bl-aħħar logħba tagħhom fiċ-Champions Lea­gue bħal ma huma t-timi­jiet l-oħra li fost il-ġimgħa l-ebda wieħed minnhom ma spiċċa fuq in-naħa rebbieħa għalkemm forsi huma Newcastle United biss li temmew il-logħba tagħhom b’rashom mgħollija meta żammew draw lill-ġganti Spanjoli, Bar­celona.

Il-Gunners ġew draw 1-1 kontra Bayer Leverkusen wara li sabu ruħhom goal minn taħt fl-ewwel taqsima, iżda Kai Havertz ħa ħsieb li jikseb id-draw minn penalty kontra l-eks team tiegħu.

Issa se jilagħbu kontra Everton, team li ma tafx fejn int magħhom, kemm jekk ikunu home kif ukoll jekk ikunu away. Huma jistgħu anke jdeffsu rashom biex fl-istaġun li ġej jilagħbu fl-Ewropa.

Min-naħa tas-City, it-telfa 3-0 kontra Real Madrid kienet wisq għall-manager Pep Guardiola u l-players tiegħu li żgur ma jafux x’laqathpm għalkemm min-naħa l-oħra sabu lil Federico Valverde bla ħniena tant li skorja tliet goals wieħed isbaħ mill-ieħor.

Tard illum filgħaxija hu­ma se jkunu fil-London Stadium kontra West Ham li jinsabu fl-eqqel tat-taqtiegħa kontra r-relegazzjoni meta bejnhom u t-tliet timijet ta’ fuqhom hemm tliet punti biss jifirduhom.

It-team fit-tielet post b’ċans kbir li jkunu fiċ- Champions League huma Manchester United li wara li kienu għaddejjin minn sensiela pożittiva ta’ 11-il logħba ġew megħluba 2-1 minn Newcastle f’St James Park.

Għada huma se jkunu f’Old Traffotd kontra Aston Villa li bħalissa jinsabu punti daqshom – 51 – u għalhekk kollox jista’ jiġri. Fost il-ġimgħa l-Villa kienu l- uni­ku team minn disgħa Ingliżi li kisbu rebħa fl-Ewropa bl-oħrajn intemmu f’ħa­­­­­mes telfiet u tliet draws.

Chelsea, li ġew megħluba 5-2 minn Paris St-Germain biex pattewlhom għat-telfa li ġarrbu kontrihom fil-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-Clubs tal-FIFA tas-sena l-oħra fl- Istati Uniti.

Il-Blues se jilqgħu lil Newcastle li b’39 punt fit-12-il post ma għandhomx ċans li jkunu fl-Ewropa iżda jafu jħabbtu lil kulħadd bħal m’għamlu kontra Barca nhar it-Tlieta.

Burnley, li jinsabu qabel tal-aħħar fl-istaġun tar-ritorn tagħhom mal-kbar wara sena biss fiċ-Championship se jiltaqgħu kontra Bournemouth f’Turf Moor.

Iċ-Cherries għandhom ċans remot biex jiksbu post f’waħda mill-kompetizzjo­nijiet Ewropej u għalhekk għad għandhom għalxiex ji­lagħbu.

Logħba oħra li se tintlagħab illum wara nofs in-nhar tara lil Sunderland jiffaċċjaw lil Brighton f’logħba li tista’ tmur kull naħa bil-Black Cats għadhom ixxukkjati bl-umiljazzjoni li sofrew fl-FA Cup il-Ħadd li għadda meta sfaw megħluba 1-0 minn Port Vale li jinsabu fl-aħħar post ta’ League One.

Dan l-istaġun l-avversarji tagħhom, Brighton, jinsabu ‘l isfel fil-klassifika, iżda bla ebda nkwiet tar-relegazzjoni meta qed igawdu disa’ punti vantaġġ fuq it-tielet team mill-aħħar.

Għada wara nofs in-nhar se jintlagħbu tliet logħbiet li tnejn jinvolvu timijiet li l-Ħamis lagħbu fl-Ewropa u tnejn minnhom li jinsabu fl-inkwiet tar-relegazzjoni.

Crystal Palace se jiffaċ­ċjaw lil Leeds United f’Selhurst Park meta għandhom 10 punti iktar minnhom b’dawn tal-aħħar jittamaw li l-involviment fl-FA Cup mhux se jkun ta’ xkiel għalihom fit-tentattiv li jibqgħu jżommu posthom mal-kbar.

Anke Nottingham Forest jinsabu fl-istess ilma bħal Leeds iżda tliet punti inqas minnhom. Il-Forest ġejjin minn telfa 1-0 f’darhom fl- Ewropa League kontra d- Daniżi Midtjylland biex tkompli tbaxxilhom il-moral f’dan l-istadju delikat tal-istaġun.

L-avversarji tal-Forest hu­ma Fulham li kellhom sta­ġun  tajjeb tant li jinsabu fl-10 post b’40 punt u anke huma jistgħu jikkwalifikaw għall-Ewropa.

Għada għall-ħin tat-te’ iċ-champions Liverpool se jkunu f’Anfield kontra Tottenham li bħalissa għandhom il-moral imkisser meta minbarra li qed jitħabtu biex ma jiġux relegati għandhom posthom fiċ-Champions Lea­gue mhedded.

Fl-ewwel leg tal-Aħħar 16 Spurs sfaw megħluba 5-2 minn Atletico Madrid biex dawn pattew­lhom telfa antika ta’ 63 sena ilu meta fil-finali tat-Tazza tar-Rebbieħa tat-Tazzi, Jimmy Greaves u sħabu kienu umiljawhom bl-iskor ta’ 5-1.

Anke Liverpool ġejjin minn telfa fl-Ewropa, dik ta’ 1-0 kontra Galatasaray f’Istanbul. Huma jinsabu fis-sitt post iżda rebħa tarahom jimbuttaw iktar ‘il fuq ħalli jserrħu rashom minn posthom fl-istaġun li ġej.

Il-programm jintemm nhar it-Tnejn meta filgħaxija Brentford jiltaqgħu kontra Wolves meta jistgħu jak­kwistaw post fl-Ewropa għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom waqt li Wolves ġejjin minn żewġ rebħiet f’Molineux li bħalissa żgur huma ‘famużi’ kontra Aston Villa 2-0 u Liverpool 2-1.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport