Tuesday, January 6, 2026

Premier League Ingliż: Arsenal jilqgħu lil Liverpool fl-aqwa partita

Aqra wkoll

F’nofs din il-ġimgħa se jintlagħab programm sħiħ mill-Premier League Ingliż fejn l-attenzjoni tin­għata lin-naħa ta’ fuq kif ukoll lin-naħa t’isfel tal-klassifika fejn wara l- logħob ta’ tmiem il-ġimgħa l-leaders Arsenal kabbru l-vantaġġ għal sitt punti fuq Manchester City li anke ġew milħuqa minn Aston Villa.

Iżda l-mistoqsija issa hija: Arsenal se jżommu l-vantaġġ li jinsabu fih meta għat-tmiem fadal 18-il logħba oħra? M’hemmx triq oħra ħlief li nistennew u naraw.

Intant, huma l-Gunners li se jagħlqu dan il-21 programm meta nhar il-Ħamis jilqgħu fl-Emirates Sta­dium liċ-champions Liver­pool li mill-aħħar tmien ħarġiet ħadu erba’ rebħiet u erba’ draws jiġifieri fallew tmien punti minn 24 possibbli.

Min-naħa tat-team ta’ Mikel Arteta huma rebħu sitt logħbiet, ġew draw darba u tilfu darba. 

Ċertament forma li tikkonformi mal-pożizzjoni li jinsabu fiha. Huma ġejjin minn rebħa ta’ 3-2 għand Bournemouth u r-Reds minn żewġ draws kontra Leeds United (0-0) u Fulham (2-2).

Manchester City se jerġgħu jkunu f’darhom wara żewġ draws ukoll, l-aħħar waħda meta marru 1-0 minn fuq kontra Chelsea minn Tijjani Reijnders (24) u sofrew id-draw minn Enzo Fernandez (94).

L-avversarji tagħhom se jkunu Brighton li qabel ir-rebħa 2-0 kontra Burnley kienu għamlu sitt logħ­biet bla rebħa li fihom ħadu tliet punti minn daqstant logħbiet.

Chelsea se jkunu fi Craven Cottage biex jiffaċċjaw lil Fulham li ġejjin minn logħba ferm sodisfaċenti kontra ċ-champions li fiha fetħu l-iskor u wara li marru minn taħt irnexxielhom jieħdu punt mas-suffara b’goal minn Harrison Reed (97).

Minbarra li kisbu punt prezzjuż kontra Manchester City fl-aħħar logħba tal-20 programm, Chelsea, li jinsabu mingħajr manager, għollew il-moral tagħhom biex żammew kuntatt ma’ ta’ fuqhom tant li jinsabu b’31 punt bħal Manchester United.

Fit-tielet post b’punti ndaqs mas-City hemm Aston Villa li għelbu lil Nottingham Forest 3-1 f’darhom u issa ż-żewġ timijiet jinsabu distanzjati bi tmien punti minn Liverpool li għandhom 34 punt.

L-ewwel logħba se ssir waħedha llum li hija konfront kollu għas-salvaz­­zjoni meta fil-London Sta­dium, West Ham jilqgħu lil Nottingham Forest li fi   tmiem il-ġimgħa t-tnejn sfaw fuq in-naħa telliefa.

Bournemouth se jiltaqgħu kontra Tottenham f’darhom fejn wara t-telfa ma’ Arsenal jippruvaw ipat­tu b’rebħa kontra l-ġirien tat-Tramuntana ta’ Londra, Tottenham.

Spurs ħallew vantaġġ ta’ 1-0 jaħarbilhom minn idejhom meta kienu home kontra Sunderland iżda dawn donnhom li ma jaq­tgħu qalbhom qatt kif urew f’din il-logħba.

Anke l-logħba Brentford kontra Sunderland hija waħda intriganti bil-Bees ġejjin minn rebħa 4-2 għand Everton li fiha l-attakkant Brażiljan, Igor Thiago, skorja hat-trick.

Aston Villa se jmorru għand Crystal Palace li mill-aħħar 10 logħbiet ħadu 11-il punt biss. 

L-Eagles sfaw megħluba 2-0 minn Newcastle waqt li l-Villans għelbu lill-Forest f’darhom.

Fil-Hill Dickinson Sta­dium, Everton se jospitaw lil Wolves li ġejjin mill-ewwel rebħa tal-istaġun li fiha għelbu lil West Ham 3-0 bil-goals kollha jaslu fl-ewwel taqsima.

Din kienet l-aqwa logħba tat-team tal-Midlands li issa jippruvaw jiġbru iktar punti biex jitilgħu iktar viċin it-timijiet ta’ fuqhom.

F’Turf Moor, Burnley se jilqgħu lil Manchester United, bil-Clarets issa ilhom ma jirbħu għal 11-il logħba, waqt li l-United se jkomplu jitħabtu biex jiksbu post fiċ-Champions League fl-istaġun li ġej.

Newcastle se jippruvaw jagħmluhom tliet rebħiet konsekuttivi meta jkunu f’St James Park kontra Leeds United li qed jagħ­mlu l-almu tagħhom biex jitbegħdu miż-żona tar-re­legazzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport