Wara li fi tmiem il-ġimgħa li għadda Arsenal ġew miżmuma fi draw ta’ 2-2 minn Liverpool wara li fetħu vantaġġ doppju, proprju lbieraħ huma rrepetew dan ir-riżultat kontra West Ham biex f’temp ta’ tmint ijiem waqqgħu erba’ punti mill-aktar importanti biex il-vantaġġ tagħhom fuq Manchester City, li jinsabu fit-tieni post, issa naqas għal erba’ punti, b’dawn tal-aħħar iridu jirkupraw partita.
Barra minn hekk, il-Gunners iridu jmorru jilagħbu għand l-istess Manchester City, fis-26 ta’ dan ix-xahar, liema partita hija meqjusa bħala finali.
Sal-ewwel 10 minuti huma skorjaw darbtejn minn Gabriel Jesus (7) u Martin Odegaard (10).
Iżda Said Benrahma (33) reġa’ daħħal lill-Hammers fil-partita permezz ta’ penalty.
Peró, Arsenal setgħu għamluhom tlieta iżda fit-52 minuta Bukayo Saka falla penalty. Ta’ dan in-nuqqas huma pattew qares minħabba li Jarrod Bowen (54) kiseb id-draw għal West Ham.