Saturday, November 22, 2025

Premier League Ingliż: Arsenal v Tottenham H. l-aqwa partita

Aqra wkoll

Il-logħba li għandha tiġbed l-aktar attenzjoni fit-12-il programm tal-Premier League Ingliż m’għand­hiex tonqos li tkun id-Derby tat-Tramuntana ta’ Londra li tlaqqa’ lill-ġirien Arsenal u Tottenham li se tintlagħab għada waqt il-ħin tat-té.

Il-Gunners ġejjin mid-draw 2-2 kontra l-promossi Sunderland fl-Istadium of Light meta dawn tal-aħħar kisbu d-draw mill-Olandiż Brian Brobbery li għeleb lill-goalkeeper David Raya fl-94 minuta.

Id-difiża tat-team ta’ Mi­kel Arteta ma ċċedix goals malajr meta wieħed iqis li fi 11-il logħba huma sofrew ħamsa biss.

Huma se jiffaċċjaw team li żgur se jagħtihom logħba diffiċli bħal ma kienu dej­jem il-logħbiet ta’ bejniet­hom kemm jekk 50 sena ilu jew iktar jew riċentement.

Arsenal se jkunu min­għajr id-difensur ċentrali Brażiljan, Gabriel Magalhaes, li weġġa’ l-hamstring waqt il-waqfa internazzjo­nali ma’ pajjiżu u mistenni jdum xi ġimgħat barra.

Min-naħa ta’ Tottenham huma ġejjin minn telfa u draw u għalhekk iridu joqogħdu attenti li ma jkomplux jiżolqu iktar meta bħalissa jinsabu fil-ħames post tmien punti wara l-leaders Arsenal.

It-team fit-tieni post, Manchester City, ġej minn sekwenza ta’ tliet rebħiet, telfa u żewġ rebħiet biex b’hekk jinsabu erba’ punti biss warajhom fil-klassifika.

Huma se jkunu impenjati kontra Newcastle f’St James Park li huwa stadium intimi­danti għal kwalunkwe avversarju tal-Magpies u dan il-konfront mhuwiex eċċezzjoni.

It-team ta’ Eddie Howe ġej minn żewġ telfiet u għalhekk illum żgur jagħmel dak kollu li jista’ ħalli jwaqqaf din is-sensiela ne­gattiva minkejja li hija waħda qasira.

Iċ-champions Liverpool li mhux qed ikollhom staġun kif jixtiequ, ġejjin mit-telfa 3-0 kontra Manchester City li kien fiha l-kontroversja tal-goal li skorja Virgil Van Dijk għar-Reds li ġie annullat mill-VAR.

Qabel it-telfa msemmija u r-rebħa ta’ qabilha, ir-Reds kienu sfaw megħluba f’erba’ logħbiet konsekuttivi, għalhekk iridu joqogħdu attenti biex ma jkomplux jitbegħdu minn Arsenal meta bħalissa jinsabu tmien punti waraj­hom.

L-avversarji tagħhom, Nottingham Forest, ġejjin mir-rebħa 3-1 fuq Leeds li waqqfitilhom sensiela ne­gattiva ta’ disa’ logħbiet wa­ra li kienu bdew l-istaġun b’rebħa.

L-ewwel logħba ta’ kmieni wara nofs inhar tal-lum tara lil Chelsea jmorru għand Burnley meta ġejjin minn erba’ rebħet u l-Clarets minn żewġ draws, rebħa u żewġ telfiet.

Il-Blues jinsabu fit-tielet post sitt punti wara l-leaders u Burnley barra bil-ħniena miż-żona l-ħamra.

Bournemouth se jkunu fil-Vitality Stadium kontra West Ham meta jinsabu mif­rudin b’10 punti, iżda f’postijiet kuntrastużi fil- klassifika.

Il-Hammers rebħu l-aħħar żewġ logħbiet tagħhom waqt li ċ-Cherries ġejjin minn żewġ telfiet. Huma qed ikunu megħjuna mill- attakkant tal-Ghana, Antoine Semenyo, li għaddejja ħafna spekulazzjoni fuqu li jista’ jbiddel il-club.

Il-logħba bejn iż-żewġ B’s se tara lil Brighton jilqgħu lil Brentford  fl-Amex Sta­dium meta fl-aħħar sitt logħbiet ħadu 12-il punt kull wieħed.

Mindu ġew promossi miċ-Championship f’Mejju li għadda, Sunderland ma ħarsux lura tant li bħalissa jinsabu fir-raba’ post seba’ punti wara l-leaders.

L-avversarji tagħhom Fulham li se jilqgħuhom fi Craven Cottage, jinsabu fil-15-il post, punt biss ‘il bogħod miż-żona l-ħamra u għalhekk iridu joqogħdu attenti biex ma jinqabdux fil-periklu tar-relegazzjoni.

Il-logħba l-oħra tal-lum tara lit-team tal-qiegħ tal- klassifika, Wolves, jilqgħu lil Crystal Palace f’Molineux f’logħba li ma jistgħux ifallu jekk iridu jinqalgħu mis-sitwazzjoni prekarja li nqabdu fiha mill-bidu tal-istaġun meta anke għadhom jistennew l-ewwel rebħa.

Issa jinsabu taħt il-ma­nager ġdid, Rob Edwards, eks player u anke manager temporanju tagħhom li jrid ibiddel ħafna affarijiet li kienu jsiru taħt Vitor Perreira. Waħda minnhom hija li jipprova jsib it-team proprju tiegħu.

L-aħħar sitt logħbiet raw lill-Palace jiksbu żewġ reb­ħiet, żewġ draws u jsofru żewġ telfiet.

Il-programm ta’ għada jkopri żewġ logħbiet meta f’Elland Road jibdew Leeds li jospitaw lil Aston Villa qabel ma tibda d-Derby tat-Tramuntanabta’ Londra.

Il-Villa ġejjin minn ħames rebħiet u telfa waqt li Leeds ħadu żewġ draws u sofrew erba’ telfiet fl-aħħar sitt logħbiet tagħhom.

It-team ta’ Unai Emery huwa wieħed minn ħamsa li għandhom tmien punti inqas mil-leaders. Għalhekk rebħa hija imperattiva jekk il-Gunners ifallu xi punti.

L-aħħar logħba tal-programm hija dik ta’ nhar it-Tnejn, f’Old Trafford, li fiha Manchester United jilqgħu lil Everton meta bħalissa r-Red Devils jinsabu tliet punti aħjar mit-Toffeemen.

Il-United ġejjin minn telfa, tliet rebħiet u żewġ telfiet waqt li Everton kellhom żewġ rebħiet, żewġ draws u żewġ telfiet.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport