Friday, December 13, 2024

Premier League Ingliż: Id-destin f’idejn Manchester City

Aqra wkoll

L-34 programm tal-Premier League Ingliż huwa mifrux fuq erbat ijiem, mil-lum sa nhar it-Tlieta, biż-żewġ protagonisti, il-leaders Arsenal u ċ-champions kurrenti, Manchester City, jiltaqgħu kontra timijiet bi ftit li xejn ċans li jikkwalifikaw għal xi kompetizzjoni Ewropea.

Wara r-rebħa stupenda ta’ nhar l-Erbgħa kontra Arsenal bl-iskor ta’ 3-1 fl-Emirates Stadium, issa huma s-City li jinsabu bl-aħjar ċansijiet li jirbħu l-kampjonat. Huma kienu ferm superjuri għall- Gunners u kieku l-iskorer prolifiku, Erling Haaland, sfrutta ċ-ċansijiet li ġewħ l-iskor kien ikun wieħed umiljanti.

Iżda meta huwa ma kienx fil-forma tas-soltu f’dawk li huma goals xorta niżżel ismu fost l-iskorers b’goal fl-aħħar ħinijiet u anke kien involut f’assist. Issa skorja 34 goal fil-kampjonat u 49 fil-kompetizzjnijet kollha.

Min-naħa l-oħra Kevin De Bruyne patta għalih meta skorja doppjetta stupenda biex issa s-City jinsabu żewġ punti wara Arsenal b’logħba inqas minnhom.

L-avversarji tagħhom hu­ma Fulham li jilqgħuhom fi Craven Cottage. Huma jinsabu fl-10 post wara li mill-aħħar sitt logħbiet irreġistraw żewġ rebħiet u sofrew erba’ telfiet.

Arsenal mhux se jkunu nvoluti qabel nhar it-Tlieta meta jilqgħu lil Chelsea fid-derby ta’ Londra b’dawn qed ikollhom l-agħar staġun għal ħafna snin u mindu Frank Lampard reġa’ qed   imexxi t-team fuq bażi temporanja huma sofrew ħames telfiet fi tmien logħbiet.

Għall-kuntrarju, Newcastle, li qed ikollhom staġun mill-aqwa għal ħafna snin ukoll, jidhru f’qagħda stabbli biex jiksbu post fiċ-Champions League. Huma se jkunu f’St James Park biex jiltaqgħu kontra t-team tal-qiegħ, Southampton, li telfa oħra tarahom jersqu iktar viċin ir- relegazzjoni fiċ-Championship.

Il-Magpies ġejjin minn reb­ħa kbira 6-1 fuq Tottenham u oħra fuq Everton bl-iskor ta’ 4-1 li huma kisbu nhar il-Ħamis li għadda.

Manchester United se jiltaqgħu kontra t-team fil-forma, Aston Villa, li qed iħabbtu l-bieb biex jidħlu fl- Ewropa għalkemm iċ-Champions Lea­­gue huwa diffiċli li jil­ħquh meta lagħbu aktar logħbiet mit-timijiet ta’ fuqhom.

Il-Ħadd li għadda l-United qatgħu l-passaġġ għall-finali tal-FA Cup biex issa jilagħbu kontra l-ġirien Manchester City u għalhekk se jippruvaw għal double taż-żewġ tazzi bis-City iridu jagħmlu d-double ta’ kampjonat u FA Cup.

Liverpool qed jippruvaw isalvaw l-istaġun billi jis­piċċaw f’post għoli kemm jistgħu meta jilagħbu kontra Tottenham f’Anfield wara r-rebħa barra minn darhom kontra West Ham nhar l-Erbgħa.

Spurs ġejjin minn draw kontra Manchester United li bih waqqfu l-forma ħażina li kienu għaddejjin biha. Huma ħadu żewġ rebħiet u żewġ draws u tilfu t-tnejn l-oħra.

Crystal Palace, li huma kważi salvi, ikunu f’darhom kontra West Ham li għadhom kif tilfu kontra Liverpool.

Il-Hammers jinsabu tliet punti warajhom.

Wolves jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħall-Palace, iż­da llum għandhom logħba pjuttost diffiċli għand Brighton għalkemm ġejjin minn rebħa nkoraġġanti kontra l-istess Palace. 

Min-naħa tas-Seagulls hu­ma ġejjin minn żewġ diżappunti, it-telfa bil-penalties fis-semi-finali kontra l-Uni­ted u dik 3-1 fil-kampjonat kontra Nottm Forest.

Fir-rigward tar-relegazzjoni hemm żewġ logħbiet kruċjali meta Leicester jilqgħu lil Everton meta t-tnejn jinsabu fost l-aħħar tlieta waqt li Bournemouth se jkunu f’darhom kontra Leeds United meta tal-ewwel jinsabu tliet punti aktar mill-Whites u anke għandhom logħba inqas minnhom.

Brentford, trankwilli fid- disa’ post, se jkunu f’darhom kontra l-Forest li ġejjin minn rebħa kontra Brighton u issa jinsabu r-raba’ mill-aħħar. 

Ekonomija

Sport