Meta l-istaġun riesaq lejn it-tmiem, it-taqtiegħat għar-rebħ tat-titlu, għall-postijiet fit-Tazzi Ewropej u s-salvazzjoni mir-re-legazzjoni jinsabu fl-aqwa tagħhom.
Bla dubju t-taqtiegħa għar-rebħ tat-titlu tal-Premier League ma tistax tkun iktar interessanti meta Manchester City jinsabu mifrudin b’punt minn Liverpool.
Kemm is-City u Liverpool kif ukoll Chelsea ma jidhirx li għandhom ifallu milli jkunu fiċ-Champions League fejn hawnhekk insibu lil Tottenham, Arsenal u Manchester United bl-iktar ċansijiet li jieħdu l-aħħar post waqt li West Ham u Wolves jibqgħu jitħabtu biex jiksbu post fit-tazzi l-oħra.
Arsenal v Man U. – Il-Gunners jilqgħu lil Manchester United bil-għan tagħhom t-tnejn huwa post fiċ-Champions League fejn Arsenal għandhom 57 punt bħal Tottenham u l-United tliet punti warajhom iżda dawn lagħbu partita iktar minnhom it-tnejn.
Arsenal ġejjin minn rebħa stupenda 4-2 fuq Chelsea barra minn darhom waqt li l-United kienu fuq in-naħa telliefa bl-iskor ta’ 4-0 kontra Liverpool li għamlu double fuqhom fejn fl-ewwel round ir-Reds rebħu b’goleada oħra bl-iskor ta’ 5-0 f’Old Trafford.
Issa l-players tar-Red Devils jafu li l-Olandiż Erik ten Hag se jkun il-manager tagħhom fl-istaġun li ġej u wieħed irid jara xi kwalitá ta’ wirja se jipproduċu llum.
Leicester C. v Aston Villa – Il-Foxes setgħu taw l-illużjoni li jistgħu jilħqu lil Wolves fit-tmien post iżda telfa u draw fl-aħħar ħinijiet tal-aħħar żewġ logħbiet waqqfulhom il-mixja li setgħu jagħmlu dan.
Min-naħa tagħhom il-Villa ġejjin minn erba’ telfiet tant li qed jokkupaw il-15-il post tmien punti fuq iż-żona l-ħamra. Forsi l-ispekulazzjonijiet għad-dħul u l-ħruġ tal-players minn Villa Park qed jeffettwawlhom il-wirjiet tagħhom.
Man C. v Watford – Iċ- champions se jilqgħu lil Watford li huma mhedda sew bir-relegazzjoni meta jinsabu seba’ punti taħt ir-raba’ team mill-aħħar b’dawn anke lagħbu partita inqas minnhom.
Is-City ġew miżmuma f’żewġ draws fl-aħħar ħames logħbiet waqt li l-Hornets kisbu rebħa u tilfu l-erba’ logħbiet l-oħra mill-aħħar ħames ħarġiet.
Norwich v Newcastle – Fil-bidu tal-istaġun din kienet logħba kollha kemm hi kontra r-relegazzjoni, iżda mindu Newcastle għaddew f’idejn sidien mill-Arabja Sawdija kif ukoll il-ħatra tal-manager Eddie Howe, dawn għamlu kambjament kbir fil-club tan-North East tant li issa huma virtwalment salvi milli jaqgħu fiċ- Championship.
Mhux l-istess jista’ jingħad għal Norwich li telfa llum tkompli tgħoddoshom ‘l isfel u b’hekk jirritornaw minn fejn ġew sena biss ilu.
Brentford v Tottenham – Din id-derby ta’ Londra se tlaqqa’ team li huwa kważi salv għal kollox kontra ieħor li qed jissielet għal post fiċ-Champions League għalkemm Tottenham fallew tliet punti prezzjużi kontra Brighton f’darhom il-ġimgħa l-oħra bis-Seagulls jiskorjaw fl-aħħar ħinijiet. Dan wara li Spurs kienu kisbu erba’ rebħiet konsekuttivi.
Brighton v Southampton – Din il-logħba hija bejn żewġ timijiet li jinsabu trankwilli f’nofs il-klassifika fejn Brighton qed igawdu punt vantaġġ fuq l-avversarji tagħhom.
Is-Saints sofrew telfa ta’ 2-0 kontra Burnley il-Ħamis li għadda biex fallew iċ-ċans li jitilgħu mit-13 sad-disa’ post.
Burnley v Wolves – Il- Clarets, friski mir-rebħa kontra Southampton jumejn ilu se jerġgħu jkunu f’darhom, din id-darba kontra Wolves li jinsabu fit-tmien post u qed jissieltu biex jiksbu post fit-Tazzi Ewropej. Huma ġejjin mit-telfa ta’ 1-0 kontra Newcastle li kienet waħda minn tnejn li sofrew fl-aħħar ħames ħarġiet.
Chelsea v West Ham – Derby oħra ta’ Londra se tara lil Chelsea jospitaw lil West Ham wara li fost il-ġimgħa sofrew telfa mhux mistennija bl-iskor ta’ 4-2 kontra Arsenal waqt li l-Hammers ġejjin minn draw u qabel kisbu żewġ rebħiet u sofrew żewġ telfiet.
Il-manager Thomas Tuchel ma niżlitlux tajjeb din it-telfa tant li kien irrabjat sew għall-players tiegħu li wara l-eliminazzjoni miċ- Champions League, għandhom il-finali tal-FA Cup quddiemhom.
Liverpool v Everton – Din hija derby ta’ Merseyside li ġejja meta Liverpool jinsabu għaddejjin minn forma brillanti fit-tentattiv li jirbħu l- erba’ unuri li kkompetew għalihom dan l-istaġun.
Min-naħa l-oħra Everton jinsabu f’taqbida kontra r- relegazzjoni meta issa punt biss qed jifridhom mit-tielet post mill-aħħar għalkemm huma lagħbu logħba inqas minnhom.
C. Palace v Leeds U. – Il-logħba li tagħlaq il-programm se ssir nhar it-Tnejn bejn żewġ timijiet fin-naħa t’isfel tal-klassifika bl-iktar fil-periklu huma Leeds li għandhom ħames punti iktar minn Burnley. Rebħa għal wieħed minnhom tarahom jaħarbu mill-periklu.