Fil-Premier League Ingliż, il-leaders Arsenal waqqgħu l-ewwel punti f’darhom f’dan l-istaġun meta laqgħu lil Newcastle u temmew fi draw ta’ mingħajr goals.
Il-Gunners ipprotestaw għal żewġ penalties lejn tmiem il-partita. L-ewwel meta Gabriel ġie miġbud mill-flokk minn Dan Burn fil-kaxxa u mbagħad Jacob Murphy deher imiss il-ballun b’idu mill-cross ta’ Granit Xhaka.
Everton v Brighton – F’darhom Everton ġew umiljati minn Brighton bl-iskor ta’ 4-1 biex fi tmiem il-logħba l-partitarji wrew ir-rabja tagħhom billi bdew jgħajtu għar-riżenja tal-bord kollu nkluż il-coach, Frank Lampard.
Brighton fetħu vantaġġ ta’ erba’ goals minn Kaoru Mitoma (14), Evan Ferguson (51), Solly March (54) u Pascal Gross (57) filwaqt li t-Toffees skorjaw il-goal ta’ konsolazzjoni minn penalty ta’ Demarai Gray (91).
B’din it-telfa Everton, jinsabu punt fuq iż-żona tar-relegazzjoni.
Leicester v Fulham – Fulham marru għand Leicester City u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0 biex telgħu fis-seba’ post tal-klassifika bl-istess ammont ta’ punti daqs Liverpool.
Il-goal importanti wasal minn Aleksandar Mitrovic (17).
Man Utd v Bournemouth – Manchester United komplew bis-sensiela pożittiva tagħhom meta għelbu lil Bournemouth bl-iskor ta’ 3-0 biex irreġistraw is-sitt rebħa konsekuttiva.
Il-goals waslu minn Casemiro (23), Luke Shaw (49) u Marcus Rashford (86).