Fil-Premier League Ingliż, il-leaders Arsenal waqqgħu żewġ punti importanti meta sfaw miżmuma fi draw ta’ 1-1 kontra Southampton.
B’hekk issa huma jinsabu żewġ punti fuq Manchester City.
Kien Granit Xhaka (11) li fetaħ l-iskor għall-Gunners iżda Stuart Armstrong (65) salva l-ġurnata għas-Saints.
Aston Villa v Brentford – Wara t-tkeċċija tal-manager Steven Gerrard, Aston Villa għelbu lil Brentford bl-iskor ta’ 4-0, bil-goals jaslu minn Leon Bailey (2), doppjetta ta’ Danny Ings (7, 14 pen) u Ollie Watkins (59).
Leeds v Fulham – Fulham marru għand Leeds United u rebħulhom bl-iskor ta’ 3-2 f’partita mill-aktar pjaċevoli.
Wara li Rodrigo (20) fetaħ l-iskor għal Leeds, il-Cottagers skorjaw tliet darbiet minn Aleksandar Mitrovic (26), Bobby Reid (74) u Willian (84). Crysencio Summerville (94) naqqas il-marġni għall-Peacocks iżda ma kiex fadal ħin biex setgħu jsalvaw ir-riżultat.
Wolves v Leicester – F’partita diretta fin-naħa t’isfel tal-klassifika, barra minn darhom Leicester għelbu lil Wolves bl-iskor ta’ 4-0, bl-iskorers ikunu Youri Tielemans (8), Harvey Barnes (19), James Maddison (65) u Jamie Vardy (79).
Tottenham v Newcastle – Tottenham Hotspur ospitaw lil Newcastle United u ħarġu telliefa bl-iskor ta’ 2-1 b’dawn tal-aħħar jitilgħu jokkupaw ir-raba’ post tal- klassifika.
Il-Magpies fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals minn Callum Wilson (31) u Miguel Almiron (40) filwaqt li Harry Kane (54) wieġeb għal Spurs li sofrew it-tieni telfa konsekutiva.