Il-leaders Arsenal marru għand Everton u ġew maħsuda bl-iskor ta’ 1-0 biex fallew tliet punti mill-aktar importanti fit-tentattiv li jkompli jisfidaw għar-rebħ tat-titlu.
Din kienet l-ewwel partita għall-manager, Sean Dyche, fit-tmexxija tat-team tat-Toffees li prattikament kien bidu tal-ħolm hekk kif Everton dehru team trasformat għal kollox mill-medjokritá li wrew matul dan l-istaġun.
Din ir-rebħa tat injezzjoni morali lill-Blues biex jibdew il-ġlieda tagħhom għas-salvazzjoni hekk kif jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika.
Aktar minn hekk, din kienet l-ewwel rebħa għalihom wara 11-il partita fil-kompetizzjonijiet kollha.
L-eroj kien James Tarkowski (60) li skorja l-uniku goal permezz ta’ daqqa ta’ ras li nċidentalment kien jilgħab taħt ir-responsabbiltá ta’ Dyche fit-team ta’ Burnley.
Min-naħa ta’ Arsenal, iridu jinsew din il-wirja minħabba li kienu biss id-dell tal-forma solita tagħhom.
Aston Villa v Leicester – Barra minn darhom Leicester għelbu lil Aston Villa 4-3, b’goals minn James Maddison (12), Kelechi Iheanacho (41), Tete (45) u Dennis Praet (79) filwaqt li l-Villans wieġbu minn Ollie Watkins (9) u auto-goal ta’ Harry Souttar (32).
Brentford v Southampton – Brentford kisbu rebħa komda ta’ 3-0 fuq Southampon bl-iskorers ikunu Ben Mee (41), Bryan Mbeumo (44) u Mathias Jensen (80).
Brighton v Bournemouth – Brighton għelbu lil Bournemouth bl-sikor ta’ 1-0 bil-goal jasal tliet minuti mit-tmiem minn Kaoru Mitoma (87).
Man Utd v C. Palace – Manchester United għelbu lil Crystal Palace bl-iskor ta’ 2-1 permezz ta’ Bruno Fernandes (7) u Marcus Rashford (62), b’Jeffrey Schlupp (76) inaqqas il-marġni tal-iskor għall-Palace.
Fis-70 minuta, il-United spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta tkeċċa Casemiro wara li qabad lill-avversarju Will Hughes minn għonqu.
Jidher li l-midfielder tar-Red Devils jista’ jeħel sospensjoni ta’ ħames partiti.
Wolves v Liverpool – Wolves laqgħu lil Liverpool u għelbuhom bl-iskor ta’ 3-0 biex filwaqt li huma kisbu tliet punti importanti fil-ġlieda tagħhom għas-salvazzjoni, komplew jixħtu lir-Reds fi kriżi kbira bil-pressjoni fuq il-manager, Jurgen Klopp, tkompli tikber u ma tkun l-ebda sorpriża li jitlef postu.
Wolves fetħu l-iskor minn auto-goal ta’ Joel Matip (5) biż-żewġ goals l-oħra jaslu minn Craig Dawson (12) u Ruben Neves (71).