X’differenza tagħmel ġimgħa! Fid-direzzjoni tal-azzjoni ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet, Arsenal kellhom vantaġġ ta’ ħames punti fil-quċċata tal-Premier League. Issa, qabel l-24 ġurnata, il-Gunners jinsabu fit-tieni post, wara li waqqgħu punti fi tmiem il-ġimgħa u tilfu 3-1 kontra Manchester City nhar l-Erbgħa.
Dawk ir-riżultati ngħaqdu flimkien biex jippermettu lis-City jieħdu l-ewwel post, għalkemm bid-differenza tal-goals. Dan ipoġġi lil Arsenal fil-pożizzjoni mhux familjari li jkollhom jiġru wara l-leaders, li għandu jqanqal sens kbir ta’ urġenza min-naħa tal-club tat-Tramuntana ta’ Londra li ma kienx hemm għal ħafna mill-istaġun.
Għaldaqstant il-mistoqsija hija: Arsenal kapaċi jdawruha kontra Aston Villa fil-partita bikrija tal-lum? U wara l-vjaġġ tas-City għand Nottingham Forest ftit sigħat wara ż-żewġ protagonisti jibqgħu b’punti ndaqs?
Attenti minn kull sitwazzjoni hemm Manchester United li ġejjin minn draw 2-2 għand Barcelona fl-Europa Cup meta jinsabu fit-tielet post ħames punti wara s-City u Arsenal b’tal-aħħar lagħbu logħba inqas.
Il-United, li se jilqgħu lil Leicester f’Old Trafford għada, ħadu tliet rebħiet, żewġ draws u telfa mill-aħħar sitt ħarġiet, Arsenal żewġ rebħiet, żewġ draws u żewġ telfiet waqt li s-City marru l-aħjar b’erba’ rebħiet u żewġ draws. L-avversarji tagħhom, Leicester, ġejjin minn żewġ rebħiet, draw u tliet telfiet.
Chelsea se jilqgħu lil Southampton fi Stamford Bridge meta ma tantx sejrin tajjeb dan l-istaġun tant li jinsabu 10 punti bogħod minn post fiċ-Champions League. Huma ħadu rebħa biss mill-aħħar sitt ħarġiet fil-kampjonat u tilfu l-ewwel leg kontra Borussia Dortmund 1-0 fiċ-Champions League. Is-Saints jinsabu akrati fil-qiegħ tal-klassifika b’rebħa unika u ħames telfiet mill-aħħar konfronti tagħhom.
Newcastle, li qed juru li l-investiment qawwi mis-sidien il-ġodda tagħhom qed jagħmel id-differenza meta jinsabu jokkupaw ir-raba’ post, se jkunu f’darhom biex jilqgħu lil Liverpool li nhar it-Tnejn kisbu l-ewwel rebħa tal-2023 meta għelbu lill-ġirien Everton wara li qabel kienu ħadu draw biss.
Jekk jibdew jirkupraw il-players imweġġgħin, ir-Reds ikollhom iktar ċans biex forsi jisfurzaw ruħhom fir-raba’ post ħalli jsalvaw l-istaġun għalkemm jinsabu fl-aħħar 16 taċ-Champions League.
Tottenham, li jinsabu fil-ħames post, żewġ punti wara Newcastle, se jkunu nvoluti fid-derby ta’ Londra f’darhom kontra West Ham li jinsabu fis-16-il post bil-Hammers jieħdu rebħa biss mill-aħħar sitt logħbiet tagħhom.
Spurs kisbu tliet rebħiet u tilfu tlieta oħra meta dan l-aħħar xejn ma jinsabu f’forma tajba. Huma se jkunu mingħajr il-manager Antonio Conte li wara li ngħaqad mat-team kmieni wisq minn operazzjoni issa huwa se jirritorna meta jkun f’saħħtu.
Derby oħra ta’ Londra hija dik bejn Brentford u Crystal Palace, żewġ timijiet li jinsabu mifrudin b’disa’ punti favur il-Bees li rebħu erba’ logħbiet u ġew draw ift-tnejn l-oħra mill-aħħar sitt ħarġiet bil-Palace ma kisbu l-ebda rebħa.
Logħbiet bejn żewġ timijiet li qed ikollhom staġun tajjeb hija dik bejn Brighton u Fulham li jinsabu fi-sitta u fis-seba’ postijiet iżda tal-ewwel lagħbu żewġ logħbiet inqas.
Logħba bejn żewġ timijiet li qed jiġġieldu kontra r-relegazzjoni hija dik bejn Everton u Leeds United fejn rebħa għal xi ħadd minnhom tkun tiswa mitqlu deheb.
Il-logħba l-oħra fil-programm hija dik bejn Wolves u Bournemouth fejn tal-ewwel kisbu 10 punti mill-aħħar sitt ħarġiet u ċ-Cherries żewġ punti biss.
Wolves, li ġejjin minn żewġ rebħiet stupendi kontra Liverpool u Southampton, ikomplu jitilgħu ‘l fuq taħt il-manager Spanjol, Julen Lopetegui, jekk joħorġu rebbieħa.