Friday, December 13, 2024

Premier League Ingliż: Jintlagħab il-programm għajr tliet logħbiet posposti minħabba r-Reġina

Aqra wkoll

Wara li l-ġimgħa l-oħra ġie pospost il-football kollu fir-Renju Unit minħabba l-mewt tar-Reġina Eliżabetta II, il-logħob reġa’ rritorna din il-ġimgħa meta lbieraħ saru żewġ logħbiet iżda xorta hemm tlieta posposti minħabba l-preżenza qawwija tal-pulizija fiċ-ċerimonji tal-funeral.

Dawn huma Brighton kontra Crystal Palace, Chelsea kontra Liverpool u Manchester Umited kontra Leeds United.

Wolves v Man City – Il-logħba korrispondenti bejn dawn iż-żewġ timijiet saret erba’ xhur ilu biss fejn is-City kellhom lil Kevin De Bruyne f’forma ispirata tant li skorja poker fir-reb­ħa 5-1 u baqgħu sejrin biex rebħu t-titlu.

Minn dak in-nhar is-City kisbu lill-attakkant prolifiku Norveġiż, Erling Haa­land, li beda jiskorja b’għaj­nejh magħluqa tant li f’sitt logħbiet skorja 10 goals in­klużi żewġ hat-tricks kon­sekuttivi.

Min-naħa tagħhom Wol­ves kisbu lill-attakkant Brażiljan, Diego Costa, wara li tilfu lil Raul Jime­nez li weġġa’ qabel il-logħba kontra Southampton. Jista’ ikun li huwa ma jibdiex mill-bidu wara li kien ħalla lil Atletico Mineiro f’pajjiżiu f’Jannar li għadda u għaldaqstant huwa nieqes mil-logħob kompetittiv.

Wolves ġejjin mir-rebħa 1-0 fuq Southampton u s-City minn draw 1-1 kontra Aston Villa.

Newcastle v Bournemouth – Dawn iż-żewġ timijiet se jibdew b’paritá ta’ 7 punti kull wieħed, fil-11 u fit-13-il postijiet, meta bejniethom kisbu tliet reb­ħiet biss.

Il-Magpies bdew b’rebħa u wara ħadu erba’ draws u telfa waqt li iċ-Cherries bdew b’rebħa wkoll u wara li sofrew telfa umiljanti ta’ 9-0 kontra Liverpool, ir­kupraw tajjeb meta ħadu draw u rebħa.

Newcastle għadhom ma qabdux art dan l-istaġun għalkemm mill-istaġun li għadda għamlu titjib kbir meta kienu damu 12-il logħba ma jiksbu rebħa.

Tottenham v Leicester – Wara d-diżappunt tat-telfa 2-0 barra minn darhom kontra Sporting Lisbon fiċ- Champions League li ħalliet lill-manager Antonio Conte frustrat għall-aħħar, Spurs għandhom ċans ipattu għaliha meta jilqgħu lil Leicester fit-Tottenham Stadium.

Iċ-ċansijiet huma li Tottenham jiksbu tliet punti importanti meta l-Foxes litteralment għadhom ma ‘bdewx’ l-istaġun tant li kisbu punt fl-ewwel logħba u wara sofrew ħames telfiet wara xulxin.

U bl-attakk ta’ Conte mim­li munizzjoni huwa iktar probabbli li t-team tie­għu jikseb tliet punti oħra meta Harry Kane kompla fejn ħalla fl-istaġun li għadda.

Brentford v Arsenal – L-ewwel logħba ta’ għada hija d-derby ta’ Londra li fiha l-leaders Arsenal imorru għand Brentford li sofrew telfa waħda u qed jokkupaw id-disa’ post ma’ Liverpool.

Din it-telfa waslet fl-aħħar programm li sar ħmistax ilu meta kienu sfaw megħluba 3-1 minn Manchester Unied, telfa li żgur ma kienux qed jistennewha.

Min-naħa tagħhom il-Bees għelbu lil Leeds Uni­ted 5-2 li fiha l-attakkant Ivan Toney skorja hat-trick u llum qed jiċċelebra l-ewwel sejħa fl-iskwadra tal-Ingilterra għal-logħbiet tan- Nations League kontra l-Ita­lja u l-Ġermanja li se jintlagħbu fil-ġranet li ġej­jin.

Għalhekk issa Brentford iridu juru li qed ikampaw tajjeb ħafna meta jinsabu fit-tieni staġun tagħhom fil-Premier League.

Everton v West Ham – Il-logħba li tagħlaq il-programm li se ssir għada wara nofs in-nhar hija dik f’Goodison Park fejn Everton jospitaw lil West Ham meta ġejjin minn riżultati kuntrastużi fejn it-Toffeemen spiċċaw 0-0 kontra l-ġirien Liverpool waqt li l-Hammers tilfu 2-1 kontra Chelsea f’logħba li fiha setgħu ħadu draw.

Peró nhar il-Ħamis it-team ta’ David Moyes kiseb rebħa ta’ 3-2 kontra Silkeborg tad-Danimarka barra minn darhom biex se jidħlu  fil-logħba mal-Blues b’mo­ral għoli meta issa għamluhom sitt punti minn żewġ logħbiet fl-Europa Confe­rence League.

Iż-żewġ timijiet għandhom erba’ punti kull wie­ħed b’Everton bdew b’żewġ telfiet u wara kisbu erba’ draws u l-Hammers, li jinsabu t-tielet mill-aħħar kisbu rebħa u draw u sofrew erba’ telfiet.

Ekonomija

Sport