Saturday, November 16, 2024

Premier League Ingliż: Jispikka d-Derby ta’ Merseyside

Aqra wkoll

 

Is-sitt ġurnata tal-Premier League Ingliż se tintlagħab mingħajr l-inċertezzi tat-trasferimenti meta minn issa sal-aħħar ġurnata tas-sena kulħadd jibqa’ b’li għandu. Il-programm jibda u jintemm b’żewġ logħbiet ta’ qtigħ il-qalb.

Everton v Liverpool – Id-derby ta’ Merseyside jiftaħ il-programm meta f’Goodison Park Everton jilqgħu lill-ġirien, Liverpool, li wara li bdew fuq nota negattiva, issa ħadu żewġ rebħiet biex telgħu fis-sitt post.

Min-naħa tagħhom Everton bdew b’żewġ telfiet iżda wara ħadu tliet draws li peró ftit li xejn għamlu diffrenza meta jinsabu r-raba’ mill-aħħar.

Brentford v Leeds U. – Dawn huma żewġ timijiet fin-nofs tal-klassifika li ġejjin minn draws meta għadhom tilfu logħba waħda biss kull wieħed u qed isibu x-xibka b’mod konsistenti. Rebħa għal wieħed minnhom tagħmlilhom differenza għalkemm draw jidher li huwa l-aktar riżultat possibbli.

Chelsea v West Ham – Din hija derby ta’ Londra li għandha tkun ferm interessanti, l-aktar meta Chelsea ġejjin minn telfa kontra Southampton u West Ham minn draw kontra Tottenham f’derby ieħor ta’ Londra.

Mhux xi ħaġa li tiġri spiss iżda l-Blues tilfu wara li kienu huma li fetħu l-iskor waqt li l-Hammers irkupraw auto-goal mill-player ġdid, Thiro Kehrer. Għalhekk huwa diffiċli tgħid fejn jistgħu jmorru l-punti għax dawn jintrebħu skond il-forma fil-ġurnata u mhux fuq ir- reputazzjoni.

Newcastle v C. Palace – Fl-aħħar żewġ logħbiet Newcastle kienu nvoluti f’riżultati kuntrastużi meta l-Ħadd li għadda kisbu d-draw fid-90 minuta kontra Wolves u nhar l-Erbgħa kienu fin-naħa l-ħażina meta sofrew il-goal tar-reb­ħa minn Liverpool fit-98 minuta.

Min-naħa tal-Palace għa­dhom kisbu rebħa waħda iżda jinsabu komdi fit-13-il post.

Nottm F. v Bournemouth – Minkejja n-numru ta’ akkwisti rekord li għamlu dan is-sajf, il-Forest sofrew telfa kbira ta’ 6-0 kontra Manchester City u llum żgur li jridu jpattu għaliha meta jilqgħu lil Bournemouth li s-Sibt li għadda sofrew telfa ta’ 9-0 kontra Liverpool iżda mbagħad pattew bi clean sheet kontra Wolves.

Tottenham v Fulham – It-tieni derby ta’ Londra tlaqqa’ lil Spurs kontra Fulham li jinsabu mifrudin bi tliet punti meta bejniethom iż-żewġ timijiet tilfu logħba biss li sofra t-team ta’ Marco Silva meta l-Ħadd li għadda Arsenal għelbuhom 2-1.

Barra minn hekk il-logħba se tlaqqa’ lill-aqwa skorers tagħhom, Harry Kane għal Spurs u Alexandar Mitrovic għal Fulham.

Wolves v Southampton – Is-Saints kellhom bidu diċenti bl-aħħar rebħa tkun dik 2-1 kontra Chelsea nhar it-Tlieta waqt li l-bidu ta’ Wolves ma kienx wieħed mixtieq meta għadhom ħadu tliet draws biss minn ħames logħbiet. Għalihom mistenni jiddebutta l-attakkant Awstrijak li ħadu mingħand Stuttgart, Sasa Kalajdzic.

Aston Villa v Man C. – Il-magna tal-goals, Manchester City, imorru għand Aston Villa, li l-manager tagħhom, Steven Gerrard, qed ikollu pressjoni meta jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar b’rebħa waħda biss.

Pep Guardiola għaqqad il-jigsaw puzzle tiegħu bl-akkwist tal-attakkant Erling Haaland li diġá sab ix-xibka disa’ darbiet inklużi żewġ hat-tricks.

Brighton v Leicester C. – Is-Seasiders kellhom bidu tal-ġenn meta bi tliet reb­ħiet u draw jinsabu fir-raba’ post u Leicester qed jokkupaw l-aħħar post mingħajr l-ebda rebħa.

Minkejja li l-Foxes żammew lil Youri Tielemans milli jingħaqad ma’ wieħed mill-clubs il-kbar huma qed isibuha diffiċli b’Jamie Vardy, illum 35 sena, m’għa­dux li kien.

Man U. v Arsenal – Il-logħba li tgħaqqad il- programm hija waħda ta’ profil għoli meta l-United, li rebħu l-aħħar tliet logħbiet wara li bdew b’żewġ telfiet se jeħduha kontra Arsenal li huma l-uniku team b’rekord ta’ 100%.

Il-United baqa’ magħ­hom Cristiano Ronaldo biex b’hekk intemmlu r-rekord li kull staġun lagħab fiċ-Champions League min­kejja li  xorta għadu jista’ jilħaq l-għan tiegħu f’Jannar jekk l-affarijiet ma jmorrux tajjeb f’Old Trafford.

Ekonomija

Sport