Saturday, October 26, 2024

Premier League Ingliż: L-attenzjoni kollha fuq Man City wara l-akkużi ta’ irregolaritajiet

Aqra wkoll

Iċ-champions Manchester City li bħalissa jinsabu jokkupaw it-tieni post fil-Premier League Ingliż, ħames punti wara l-leaders Arsenal, b’dawn jilagħbu logħba inqas minnhom, iridu jinsew it-traġedja finanzjarja li laqtithom meta għada jilqgħu f’darhom lil Aston Villa.

Aktar kmieni din il-ġimgħa s-City ġew akkużati b’iktar minn 100 akkuża mill-Premier League li jistgħu jkollhom konsegwenzi katastrofi għall-futur tal-club.

Tant hu hekk li l-manager Pep Guardiola u bosta players rinomati jistgħu jħallu l-club qabel iż-żmien. Iżda huma żgur li se jwarrbu dan l-inkwiet temporanjament għax jekk ifallu kontra l-Villans tkun daqqa ta’ ħarta għalihom meta għad iridu jiltaqgħu darbtejn mal-Gunners.

Għalihom l-attakkant Nor­veġiż, Erling Haaland, li s’issa skorja 25 goal fil-kampjonat, qed jiskorja b’għajnejh magħluqa u jekk ikompli b’din il-forma ma jistax jonqos li jikser rekord bosta tal-kampjonat.

Arsenal ikunu fl-azzjoni llum meta jilqgħu lil Brentford fl-Emirates Stadium wara li bħal-lum tmint ijiem sfaw megħluba 1-0 minn Everton barra minn darhom.

Wara li nhar il-Ħamis Manchester United u Leeds United lagħbu l-logħba pos­posta minħabba l-mewt tar-Reġina Eliżabbetta, iż-żewġ timijiet se jerġgħu jiltaqgħu wara tlett ijiem din id-darba f’Elland Road. Huma spiċċaw draw 2-2 wara li l-Peacocks kienu fet­ħu vantaġġ ta’ żewġ goals u għalhekk wieħed jistenna konfront ieħor kumbattut.

Magħhom fit-taqtiegħa għall-postijiet fiċ-Champions League hemm Newcastle United li jkunu fuq il-kosta tan-nofsinhar biex jiffaċċjaw lil Bournemouth li xejn m’huma sejrin taj­jeb tant li jinsabu qabel tal-aħħar bi draw biss fl-aħħar sitt logħbiet.

Fil-post ta’ wara l-Magpies jiġu Tottenham li ġejjin minn żewġ rebħiet wara xulxin li bihom ferrħu xi ftit lill-manager Antonio Conte li kien assenti minn fuq il-bankina minħabba operazzjoni tal-ġebla.

Spurs se jmorru għand Leicester City li jinsabu fl-14-il post tliet punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni.Għalihom l-attakkant Harry Kane għadu kif kiser ir-rekord tal-goals tal-club li qabel kien għand il-leġġendarju Jimmy Greaves.

Il-programm tal-lum jibda bid-derby ta’ Londra li fiha West Ham jospitaw lil Chelsea meta t-tnejn mhu­miex sejrin tajjeb, bil-Hammers jinsabu r-raba’ mill-aħħar meta ħadu rebħa u żewġ draws mill-aħħar sitt logħbiet.

Min-naħa tagħhom il-Blues xejn m’huma sejrin tajjeb taħt il-manager Graham Potter li ħa post Thomas Tuchel tant li fl-aħħar sitt logħbiet ħadu rebħa biss u jinsabu 10 punti wara Newcastle fejn il-goals mhumiex ġejjin bl-abbundanza.

Immedjatament waraj­hom fl-10 post jiġu Liverpool, team li s-sena l-oħra kien viċin li jirbaħ il-Quadruple Crown u din is-sena jista’ jibqa’ b’idejh vojta. Huma se jkunu nvoluti fid-Derby ta’ Merseyside kontra Everton meta dawn ġejjin mir-rebħa kontra Arsenal waqt li t-team ta’ Jurgen Klopp sofra tliet telfiet u draw fl-aħħar erba’ logħbiet b’dik l-iktar riċenti jitilfuha 3-0 kontra Wolves.

Brighton, li jinsabu s-sitta, se jkunu nvoluti f’logħba diffiċli għand Crystal Palace li qed jokkupaw it-12-il post 10 punti warajhom.

Anke Fulham jinsabu f’post għoli, it-tmienja, u nhar it-Tlieta qatgħu l-passaġġ għall-ħames round tal-FA Cup, jinsabu tmien punti fuq l-avversarji tagħhom, Nottm Forest.

It-team tal-qiegħ, Southampton, jilqgħu lil Wolves, li taħt il-manager il-ġdid, l-Ispanjol Julen Lopetegui, għamlu kambjament kif urew it-tliet logħbiet kontra Wolves, draw 2-2 u telfa 1-0 fir-raba’ round tal-FA Cup u rebħa deċiżiva ta’ 3-0 is-Sibt li għadda f’Molineux. Reb­ħa llum tiswa mitqlu deheb għall-Gold and Blacks. 

Sport