Wednesday, January 1, 2025

Premier League Ingliż: Liverpool huma daqstant tajbin?

Aqra wkoll

Bla dubju, bl-ingaġġ tal-ma­nager Olandiż, Arne Slot, bħala s-suċċessur tal-Ġermaniż Jurgen Klopp, fil-bidu tal-istaġun kien hemm xettiċiżmu kbir fejn kien hemm saħansitra antiċipazzjoni kbira li sal-perjodu tal-Milied, dak li fih ninsabu issa, Slot jitkeċċa mill-kariga tiegħu. 

Iżda mhux talli ma tkeċċiex, talli Liverpool qed jillidjaw il-klassifika tal-Premier League b’vantaġġ ta’ tmien punti hekk kif iridu jikrupraw partita kif ukoll dik tal-Fażi tal-Kampjonat tal-UEFA Champions League … jinsabu wkoll fis-semi-finali tal-League Cup. 

Peró wieħed jistaqsi jekk Liverpool humiex daqshekk tajbin jew inkella l-avversarji jkunu daqstant ħżiena fil-mument li jiffaċċjaw lir-Reds. 

Fil-veritá, il-Premier League is­sa huwa tagħhom x’jitilfu, u għal manager fl-ewwel staġun tiegħu fl- Ingilterra, din hija kisba notevoli.

Eventwalment, jasal punt li fih il-fatt li kulħadd jidher li qed ikollu ġurnata ħażina meta jilgħab kontra Liverpool trid tittieħed barra mill-kuntest għall-mod kif ir-Red jaġġustaw u jadattaw ruħhom skond l-avversarji. 

Huma għalqu s-sena b’vantaġġ sostanzjali hekk kif minn 18-il partita huma fallew biss seba’ punti … meta rreġistraw 14-il rebħa, ġew miżmuma fi tliet okkażjonijiet u sofrew telfa waħda biss għal total ta’ 45 minn massimu ta’ 54. 

Il-fatt li huma qed igawdu vantaġġ ta’ 14-il punt fuq Manchester City, li rebħu l-kampjonat għal dawn l-aħħar erba’ snin konsekuttiv, jagħti impetus lir-Reds biex ikomplu għaddejjin sa Mejju li ġej.

Liverpool għadhom ma rebħu xejn iżda l-pożizzjoni tagħhom tagħti ċerta possibbiltá li jilħqu t-tragward tagħhom. 

Jekk jibqgħu juru l-istess forma fit-tieni parti tal-kampjonat huma jistgħu jaqbżu d-90 punt … xi ħaġa li erba darbiet biss iċ-champion qatt rebaħ aktar minn hekk.

Anke bil-konsistenza ta’ Liverpool wieħed jista’ janalizza ż-żewġ rebħiet, barra minn darhom, fuq Tottenham Hotspur (6-3) u West Ham (5-0). 

Iżda fil-każ ta’ Tottenham … ir-reb­ħa waslet minħabba l-inkonsistenza ta’ Spurs jew minħabba  l-eċċellenza tagħhom stess?

U huwa minnu li bħalissa huwa aktar faċli li tilgħab kontra Spurs, meta għandhom lista ta’ players neqsin kif ukoll is-sistema li biha qed jilgħab il-manager, Ange Postecoglu, bil-pressjoni dejjem qed tiżdied ma’ kull partita li tgħaddi li jista’ jitkeċċa mill-kariga tiegħu. 

Peró, l-injuries huma parti mill- pakkett li jġib miegħu l-istaġun. Jekk wieħed ireġġa’ l-arloġġ lura għall-istaġun preċedenti, perjodu minnhom fuq medda ta’ xahrejn, Liverpool kellhom xejn inqas minn 13-il player imweġġa’ fejn Jurgen Klopp kellu jirrikorri għall-players tal-Akkademja. 

Bil-kriżi tal-injuries, Liverpool inqatgħu għal kollox mill-isfida għar-rebħ tat-titlu iżda kienu ka­paċi biżżejjed biex rebħu l-League Cup “bit-tfal.”

Intant, Liverpool taw lezzjoni ta’ football liż-żewġ timijiet minn Londra hekk kif kontra Spurs ir-reb­ħa setgħet kienet 9-3 filwaqt li kontra West Ham setgħet kienet 11-2 minħabba l-Hammers ġew imċaħħda darbtejn mil-lasti … iżda Liverpool fallew patafjun ta’ ċansijiet ta’ skor.  

Tnejn mit-tliet goals li sofrew kontra Tottenham, waslu minħabba t-traskuraġni u għax ħasbu li bl-iskor ta’ 5-1, il-partita kienet magħ­luqa għal kollox. 

U bi Spurs jiskorjaw żewġ goals oħra għal 5-3, Liverpool irrispon­dew b’goal ieħor billi fetħu beraħ id-difiża avversarja. 

Ir-rebħa fuq il-Hammers kompliet tikkonferma li Liverpool għand­hom l-aqwa attakk iffurmat minn Mohamed Salah, Cody Gakpo u Luis Diaz, biż-żewġ players l-oħra, Diogo Jota u Darwin Nunez ikunu parti integrali fir-rotazzjoni. 

Fl-ewwel ġurnata tal-ftuħ tal-istaġun, huma marru għand Ipswich u fl-ewwel taqsima dehru team normali. 

Iżda wara l-mistrieħ, huma kienu trasformati biex skorjaw darb­tejn mingħajr risposta. 

Imbagħad, l-ewwel partita “diffiċli” kienet dik kontra Chelsea fejn ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1, f’konfront fejn il-Pensioners kel­lhom aktar pussess tal-ballun, bir-Reds ikunu aktar inċiżivi permezz tal-kontrattakki. 

Huma kisbu l-goal tad-draw fl-aħħar 10 minuti kemm kontra Arsenal kif ukoll kontra Fulham għal draw identiku ta’ 2-2. Iżda kontra dawn tal-aħħar Liverpool lagħbu għal 75 minuta bi player inqas wara li kien tkeċċa Andy Robertson. 

Huma ġew minn wara b’żewġ goals fl-aħħar 25 minuta kemm kontra Brighton (2-1) kif ukoll kontra Southampton (3-2). 

Anke jekk id-draw ta’ 3-3 kontra Newcastle kien wieħed diżappun­tanti minħabba li l-aħħar goal ta’ Newcastle wasal fl-aħħar azzjoni tal-partita permezz ta’ rigal tal-goalkeeper, Caoimhin Kelleher, ir-Reds xorta kienu kapaċi jdawru l-iskor (b’mod temporanju) minn 2-1 għal 3-2 … sakemm wasal il-goal tal- Magpies. 

Peró, sa ġimagħtejn ilu, il-vantaġġ f’ras il-klassifika niżel għal żewġ punti minn disgħa wara r-reb­ħa fuq Manchester City.

Iżda filwaqt li l-partita tagħhom għand Everton ġiet posposta minħabba l-maltemp, Chelsea (1-1) u Arsenal (0-0) fallew il-punti  kontra l-istess Everton biex il-vantaġġ reġa’ kiber għal erba’ punti u b’partita inqas.  

Aktar minn hekk, Chelsea sfaw megħluba f’darhom minn Fulham bl-iskor ta’ 2-1 biex ħadu skoss qaw­wi fit-tentattiv li jkomplu jisfidaw lil Liverpool. 

Min-naħa l-oħra, il-manager Slot għaraf kif jutilizza lill-midfielder Olandiż, Ryan Gravenberch, bħala l-midfielder difensiv ewlieni. 

Taħt Klopp, Gravenberch kien sostitut utilizzat lejn l-aħħar partijiet ta’ kull partita. Iżda Slot għaraf kif jiffjorixxi t-talenti tiegħu biex sar parti integrali bħala surmast f’nofs il-ground … u reattiv għall-kostruzzjoni tal-avversarji.  

Barra minn hekk, ir-Reds għandhom problema interna … li tliet players mill-aktar importanti, se jkunu liberi fi tmiem l-istaġun. 

Dawn huma Trent Alexander-Arnold, Virgil van Dijk u Mohamed Salah. 

It-taħdidiet għandhom fil-limbu minħabba l-fatt li ħadd ma jaf x’qed jiġri jew x’qed jingħad. 

Peró, kif jidhru l-affarijiet, Salah u Van Dijk se jiffirmaw kuntratt ġdid għas-sentejn li ġejjin iżda l-każ ta’ Alexander-Arnold qed iqajjem spekulazzjonijiet u għagħa kbira fost il-partitarji ta’ Liverpool hekk kif il-media Spanjol qed titfa’ n-nar fuq il-ħatab billi qed issostni li l-Figlio d’Arte ta’ Liverpool innotfika lill-club li se jingħaqad ma’ Real Madrid … liema aħbar ġiet miċħuda mill-ġurnali tal-belt ta Liverpool. 

Din hija sitwazzjoni delikata minħabba li proprju mil-lum stess, it-tliet players jistgħu jiftħu negozjati ma’ clubs barra mill-Ingilterra … li jistgħu jaffettwaw il-wirjiet tagħhom fid-dritta finali għar-rebħ tat-titlu … bil-biżgħa li jista’ jikkollassa kollox! 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport