Fl-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa tal-Premier League Ingliż, Liverpool għelbu lil Manchester City bl-iskor ta’ 1-0 biex dawn tal-aħħar sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun.
F’partita mill-aktar missielta u movimentata, ir-rebħa setgħet marret kull naħa iżda Mohamed Salah (76) kien id-differenza bejn iż-żewġ timijiet meta skorja l-goal importanti.
Aston Villa v Chelsea – Chelsea jidhru li ġejjin f’tagħhom meta barra minn darhom għelbu lil Aston Villa bl-iskor ta’ 2-0 bil-goals jaslu wieħed f’kull taqsima.
L-eroj tal-Pensioners kien Mason Mount (6, 65) li skorja ż-żewġ goals biex ta t-tliet lit-team immexxi mill-manager il-ġdid, Graham Potter.
Leeds v Arsenal – Arsenal kabbru l-vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika meta marru għand Leeds u rebħulhom bl-iskor ta’ 1-0 bil-goal importanti wasal minn Bukayo Saka (35).
Leeds fallew ċans tad-deheb li jiksbu d-draw meta fis-64 minuta ngħataw penalty iżda Patrick Bamford xeħet barra.
Man Utd v Newcastle – Manchester United laqgħu lil Newcastle United u temmew fi draw ta’ mingħajr goals. Il-Magpies kellhom żewġ blalen mal-lasta minn tentattivi ta’ Joelinton.
Southampton v West Ham – Southampton u West Ham ukoll spiċċaw fi draw din id-darba bl-iskor ta’ 1-1.
Kien Romain Perraud (20) li fetaħ l-iskor għas-Saints iżda Declan Rice (64) kiseb id-draw għall-Hammers.