Saturday, April 19, 2025

Premier League Ingliż: Liverpool u Arsenal m’għandhomx ifallu

Aqra wkoll

It-taqtiegħa għar-rebħ tal-Premier League Ingliż bejn Liverpool u Arsenal qed toqrob lejn it-tmiem tagħha meta fi tmiem din il-ġimgħa se jintlagħab it-33 programm meta għat-tmiem fadal sitt logħbiet oħra.

Iż-żewġ timijiet se jkunu fl-azzjoni għada bil-leaders Liverpool imorru għand Leicester City u Arsenal, li jinsabu 13-il punt warajhom, imorru għand Ipswich Town meta t-tnejn huma virtwalment relegati.

Liverpool, li sa fl-aħħar m’għadx għandhom dik it-tensjoni li jistgħu jitilfu lil Mohammed Salah fis-sajf li ġej, u jumejn ilu kellhom risposta pożittiva mingħand Virgil Van Dijk li ħabbar li ffirma kuntratt ġdid ta’ sentejn f’Anfeld bid-difensur Trent Alexander-Arnold għadu ma kkommettiex il- futur tiegħu ma’ Real Mad­rid u ma tkunx ħaġa kbira li anke hu jġedded mar-Reds.

B’moħħhom mistrieħ fuq dawn iż-żewġ pilastri Liverpool jistgħu jilagħbu aktar trankwilli milli kif lagħbu kontra West Ham il-Ħadd li għadda fejn minkejja li reb­ħu 2-1 il-Hammers setgħu ħarġu b’xi punt fil-but.

Min-naħa tal-Gunners huma ġejjin minn rebħa oħra fuq Real Madrid, din id-darba bl-iskor ta’ 2-1 fi Stadio Bernabeu fejn taw wirja ta’ karattru minkejja li fallew penalty minn Bukayo Saka kmieni fil-partita.

Nottingham Forest, li kienu ilhom fit-tielet post għal ħafna ġimgħat, iridu joqogħdu attenti li ma ji­tilfux il-post fiċ-Champions League meta mindu tilfu lill-attakkant Chris Wood, li jinsab imweġġa’ qed isibuha diffiċli biex jiskorjaw meta wara draw u żewġ rebħiet issa tilfu l-aħħar żewġ logħbiet kontra Aston Villa 2-1 away u kontra Everton 1-0 home.

Huma se jkunu fl-azzjoni nhar it-Tnejn meta jkunu barra minn darhom kontra Tottenham li mill-aħħar sitt ħarġiet ħadu rebħa u draw kif ukoll sofrew erba’ telfiet. Barra minn hekk il-manager Ange Postecoglou għandu postu mhedded minħabba kif żvolġa l-istaġun tagħ­hom.

Nhar l-Erbgħa, il-Forest ġew maqbuża minn Newcastle United li minbarra li reb­ħu l-League Cup għall-ew­wel darba għamluhom ħa­­­mes rebħiet wara xulxin li fihom skorjaw 15-il goal u sofrew tnejn biss.

Il-Magpies se jiffaċċjaw lil Aston Villa barra minn darhom wara li dawn ġew elimi­nati miċ-Champions League minn Paris St-Germain tlett ijiem ilu f’logħba li setgħu anke sfurzaw il-ħin barrani.

Newcastle daħħlu rashom fost l-ewwel ħamsa wara reb­ħa enfatika ta’ 5-0 fuq Crystal Palace fejn il-wingers Jacob Murphy u Harvey Barnes qed ikunu pedini importanti fl-attakk tagħhom waqt li Alexander Isak għadu jsib ix-xibka b’mod regolari.

Il-forma li għaddejjin biha bħalissa żgur li qed tkun ta’ stimolu għall-ma­nager Eddie Howe li jinsab marid bil-pnewmonja.

Logħba bejn żewġ timijiet ta’ nofs il-klassifika se tara lil Brentford jospitaw lil Brigh­ton, li t-tnejn huma ta’ ostaklu għat-timijiet il-kbar. Għalhekk il-logħba għandha tkun waħda mistennija biex jaraw min minnhom jispiċċa fuq l-ieħor meta bħalissa huma s-Seagulls li qed igawdu ħames punti vantaġġ fuq il-Bees.

Crystal Palace, għandhom impenn diffiċli ieħor meta jilqgħu lil Bournemouth f’Selhurst Park.

Iċ-Cherries jinsabu ħa­mes punti fuq l-avversarji tagħ­hom għalkemm il-Palace għandhom s-semi-finali tal-FA Cup kontra Aston Villa x’jieħdu ħsieb meta m’għandhom l-ebda nkwiet tar-relegazzjoni.

Iċ-champions Manchester City għandhom logħba delikata meta qed jitħabtu biex jiksbu post fiċ-Champions League. Dan meta se jiltaqgħu lontra Everton f’Goodison Park li mill-aħħar sitt logħbiet ħadu seba’ punti minn rebħa u erba’ draws.

Bħalissa s-City jinsabu l-ħames li huwa l-aħħar post biex jilħqu l-għan tagħhom minkejja li r-rekord ta’ tliet rebħiet u żewġ draws għal total ta’ 11-il punt mill-aħħar sitt logħbiet ma jagħmlux qari ħażin għat-Toffeemen.

West Ham, li niżlu fir-raba’ post mill-aħħar, se jkunu fil-London Stadium kontra t-team relegat ta’ Southampton li għad jista’ jikser ir-rekord ta’ Derby County tal-inqas total ta’ punti minn team relegat mill-Premier League.

Derby niżlu bi 11-il punt u bħalissa s-Saints għandhom 10 meta fadlilhom sitt logħbiet għat-tmiem. Tidher possibbli, iżda xejn m’huwa impossibbi.

Fost l-erba’ logħbiet ta’ għada hemm ukoll tnejn li huma d-Derby ta’ Londra bejn Fulham u Chelsea u Manchester United u Wolves.

Chelsea, li jinsabu fis-sitt post, għadhom fit-taħlita biex jiksbu post fiċ-Cham­pions League meta t-taqtiegħa hija waħda tensa tant li xejn inqas minn ħames timijiet li jinsabu fit-tielet sas-seba’ post huma mifrudin b’ħames punti biss.

Mill-aħħar sitt logħbiet Chelsea ħadu 11-il punt u Ful­ham tnejn inqas u dan juri li l-logħba għandha tkun waħda bilanċjata.

Il-logħba l-oħra hija dik li se ssir f’Old Trafford li fiha Manchester United jilqgħu lil Wolves li fl-aħħar ħames logħbiet rebħu t-tieni l-ikbar total ta’ punti – 13 – wara biss Liverpool, Nottm Forest u Aston Villa li rebħu 15 kull wieħed.

Il-United ġejjin mill-battikata fl-Europa League kontra Lyon li huma rebħu 5-4 wara l-ħin barrani biex għaddew għas-semi-finali, iżda n-nofs siegħa żejda taf tmur kontrihom kemm psikoloġikament kif ukoll mentalment.

Min-naħa ta’ Wolves, dawn ġejjin minn erba’ reb­ħiet wara xulxin, xi ħaġa li l-aħħar darba li għamluha kien fl-1972

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport