Saturday, October 18, 2025

Premier League Ingliż: Liverpool v Man Utd fl-aqwa partita

Aqra wkoll

Wara l-waqfa internaz­zjonali ta’ Ottubru li pproduċiet il-kwalifikazzjoni tal-Ingilterra għall-finali tat-Tazza tad-Dinja, illum ikompli l-Premier League Ingliż li l-iktar logħba mis­tennija mill-10 hija dik ta’ għada li fiha Liverpool jilq­għu lil Manchester United f’Anfield.

Din se jseħħ wara li ċ-champions tilfu żewġ logħbiet konsekuttivi fil-kapitali kontra Crystal Palace (2-1) u kontra Chelsea (2-1). U għalhekk issa għandhom logħba xi ftit jew wisq diffiċli meta ħadd  ma jaf biex se joħorġu r-Red Devils.

Iżda ta’ min wieħed jgħid li f’dawn l-aħħar snin ir-reb­ħiet tal-United kienu skarsi meta mill-aħħar 13-il-logħba bejniethom il-United rebħu darba fil-kampjonat meta fit-22 ta’ Awwissu, 2022, kienu ħarġu rebbieħa 2-1 f’Old Trafford.

Dan l-istaġun huma ma kellhomx il-bidu mixtieq meta mill-ewwel seba’ logħbiet rebħu tlieta, ġew draw waħda u tilfu tlieta.

Min-naħa ta’ Liverpool anke huma ma kellhomx il-bidu mistenni minkejja li jinsabu punt wara l-leaders Arsenal.

Sadanittant, Arsenal se jmorru Craven Cottage fejn ikunu nvoluti f’Derby ta’ Londra kontra Fulham li min-naħa tagħhom jinsabu fl-14-il post bi tmien punti meta ġejjin minn żewġ tel­fiet infila.

It-tielet team fil-klassifika, Tottenham Hotspur, se jilqgħu lil Aston Villa fit-Tottenham Stadium meta jinsabu mifrudin b’ħames punti iżda jinsabu 10 posti­jiet fuq it-team ta’ Unai      Emery li qed jokkupa l-14-il post.

Spurs jidhru li qabdu ritmu tajjeb minkejja li għandhom manager ġdid fl-eks ta’ Brentford, Thomas Frank, li ħaduh għas-spejjeż tal-Awstraljan, Ange Postecoglu, li keċċew mill-kariga minkejja li ġimgħat qabel rebbaħhom l-Europa League u bis-saħħa ta’ hekk anke daħlu fiċ- Champions League meta spiċ­ċaw fis-17-il post fil- kampjonat.

Il-logħba ta’ kmieni llum wara nofs in-nhar se tlaqqa’ lil Nottingham Forest kontra Chelsea meta tal-ewwel huma taħt idejn Postecoglu li taħtu l-Forest ġejjin minn erba’ telfiet u bejniethom ħa­du draw.

Mhux l-istess jista’ jin­għad għall-Blues li s’issa kisbu tliet rebħiet u żewġ draws fost telfa waħda u qed jokkupaw is-seba’ post.

Logħba li għandha tiż­volġi f’waħda interessanti hija dik fl-AMEX Stadium li fiha Brighton jospitaw lil Newcastle United li se jibdew b’punti ndaqs – disa’ kull wieħed.

Is-Seagulls iħabbtu lil kulħadd meta jkunu f’darhom u għalhekk it-team ta’ Eddie Howe jrid joqgħod attent minkejja li m’għadx għandhom lil Alexander Isak fl-attakk iżda għalih jistgħu jagħmlu tajjeb Yoane Wissa u Anthony Elanga.

Burnley, li ħadu rebħa biss mindu ġew promossi, se jilagħbu f’Turf Moor kontra Leeds United b’dawn qed igaw­du erba’ punti vantaġġ fuq il-Clarets.

Wara li bdew l-istaġun b’telfa Burnley kisbu l-ew­wel rebħa, iżda mbagħad ma ħadux oħra mill-aħħar ħamsa u kull ma għandhom huma biss erba’ punti.

Min-naħa ta’ Leeds, li ġew promossi magħhom, marru ferm aħjar b’żewġ rebħiet u żewġ draws u rebħa oħra llum tkompli tbegħdhom miż-żona l-ħamra.

Wara sitt logħbiet pożittivi li minnhom ħadu 13-il punt, Crystal Palace kellhom ibaxxu rashom meta ltaqgħu kontra Everton li għelbuhom 2-1 b’goal ta’ Jack Grea­lish fit-93 minuta.

Illum huma se jilqgħu lil Bournemouth li jinsabu fir- raba’ post żewġ punti biss wara l-leaders meta rebħu erba’ logħbiet, ġew draw tnejn u tilfu waħda li kienet dik li biha fetħu l-istaġun. Bi players bħal Antoine Semenyo u Justin Kluivert, iċ- Cherries għandhom moħħ­hom mistrieħ minn fejn jiġu l-goals.

Wara li bdew l-istaġun b’rebħa u żewġ telfiet Manchester City jidher li ġejjin f’tagħhom tant li wara ħadu tliet rebħiet u draw u issa jinsabu fil-ħames post tliet punti wara Arsenal.

Quddiemhom huma għand­hom ostakolu offrut minn Everton li dan l-istaġun huma team mibdul minn dawk tal-aħħar staġuni meta reġgħu jinsabu taħt il-mana­ger David Moyes li donnu tahom ħajja ġdida.

Iżda wieħed ma jridx jinsa li s-City għandhom lill-attakkant stilla Norveġiż, Erling Haaland, li jsib ix-xibka avversarja b’għajnejh magħ­luqa. Dan wara li diġa’ skorja disa’ goals u anke ta assist biex mill-15-il goals li skorjaw huwa kien involut f’żewġ terzi minnhom.

Min-naħa tat-Toffeemen dawn jinsabu tliet postijiet taħthom u mifrudin b’żewġ punti biss. Grealish qed ikun pedina importanti mindu seħibhom fis-sajf.

Il-logħba l-oħra tal-lum se ssir fl-Istadium of Light li fiha Sunderland jospitaw lit-team ta’ qiegħ il-klassifika, Wolves, li huma l-uniċi li għadhom mingħajr rebħa għalkemm fl-aħħar żewġ logħbiet spiċċaw fi draws kontra Tottenham u Brigh­ton fejn tilfu l-punti kollha fl-aħħar ħinijiet.

L-aħħar logħba tal-programm hija derby oħra ta’ Londra bejn West Ham u Brentford bil-Hammers qabel tal-aħħar u l-Bees tliet postijiet fuqhom b’vantaġġ ta’ tliet punti.

S’issa t-team ta’ Nuno Espirito Santo ħa rebħa u draw u dak ta’ Keith Andrews, żewġ rebħiet u draw, bejn wieħed u ieħor fl-istess ilma.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport