Fil-Premier League Ingliż, Manchester City naqqsu d-distakk mil-leaders Arsenal għal tliet punti biss meta laqgħu lil Leicester u għelbuhom bl-iskor ta’ 3-1.
Għaldaqstant, it-taqtiegħa għar-rebħ tat-titlu bejn dawn iż-żewġ timijiet hija miftuħa beraħ meta għad iridu jilagħbu kontra xulxin aktar tard matul dan ix-xahar.
Il-goals waslu minn John Stones (5) u Erling Haland (13 pen, 25) filwaqt li Kelechi Iheanacho (75) wieġeb għal Leicester.
Aston Villa v Newcastle– Aston Villa laqgħu lil Newcastle United u rebħulhom bl-iskor ta’ 3-0 biex dawn tal-aħħar ħadu skoss qawwi fit-tentattiv li jkomplu jisfidaw għal post fil-UEFA Champions League.
Min-naħa ta’ Aston Villa daħlu biċ-ċans li jilagħbu fil-UEFA Europa League.
Il-goals tagħhom waslu minn Jacob Ramsey (11) u doppjetta minn Ollie Watkins (64, 83).
Chelsea v Brighton – Brighton komplew għaddejin bis-sensiela pożittiva meta dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Chelsea bl-iskor ta’ 2-1.
Din kienet it-tielet telfa minn daqstant partiti għall-coach Frank Lampard mindu ġie maħtur fil-post ta’ Graham Potter.
Il-goals waslu minn Danny Welbeck (42) u Julio Enciso (69) wara li Conor Gallagher (13) fetaħ l-iskor għall-Pensioners.
Everton v Fulham – Everton ospitaw lil Fulham u ħarġu telliefa bl-iskor ta’ 3-1 biex kiber għalihom l-inkwiet li jistgħu jitilfu posthom mal-kbar.
L-iskorers tal-Cottagers kienu Harrison Reed (22). Harry Wilson (51) u Daniel James (68) filwaqt li Dwight McNeil (35) wieġeb għal Everton.
Southampton v C. Palace – Barra minn darhom Crystal Palace għelbu lit-team ta’ qiegħ il-klassifika Southampton bl-iskor ta’ 2-0 permezz ta’ doppjetta minn Eberechi Eze (54, 68).
Tottenham v Bournemouth– Tottenham sfaw megħluba f’darhom minn Bournemouth bl-iskor ta’ 3-2.
Il-goals taċ-Cherries waslu minn Matias Vina (38), Dominic Solanke (51) u ango Ouattara (93) filwaqt li għal Spurs skorjaw Son Heung-Min (14) u Arnaut Danjuma (88).
Wolves v Brentford – Wolves għamlu pass kbir lejn is-salvazzjoni meta għelbu lil Brentford bl-iskor ta’ 2-0, b’goals minn Diego Costa (27) u Hee-Chan Hwang (69).