Saturday, November 9, 2024

Premier League Ingliż: Manchester City jilqgħu lil Tottenham fl-Etihad Stadium

Aqra wkoll

Il-programm tas-26 ġurnata tal-Premier League Ingliż mhux se joffri logħbiet bejn timijiet fl-ewwel erba’ postijiet iżda l-iktar waħda attraenti f’dawk li huma ismijiet hija dik bejn il-leaders Manchester City u Tottenham Hotspur li jinsabu mifrudin b’27 punt.

Man City v Tottenham – Is-City għaddejjin minn staġun tajjeb tant li jinsabu viċin il-kwarti-finali taċ- Champions League u fil- kampjonat qed igawdu disa’ punti vantaġġ fuq Liverpool li peró għandhom logħba nieqsa. Tottenham ġejjin minn tliet telfiet wara xulxin li segwew wara żewġ reb­ħiet waqt li s-City ġew draw waħda mill-aħħar ħames ħarġiet.

West Ham v Newcastle – Meta kulħadd stenna li Newcastle kienu se jegħrqu għal kollox, mindu sar it-teħid tal-club u ġie maħtur Eddie Howe bħala manager, l-affarijiet irranġaw ħafna tant li mill-aħħar ħames logħbiet ħadu 11-il punt li jarahom erba’ punti bogħod miż-żona l-ħamra.

Min-naħa tal-Hammers huma qed jalternaw mir-raba’ għal ħames post bl-aħħar ħarġa tagħhom rathom jiġu draw 2-2 kontra Leicester City b’goal fil-ħin miżjud.

Aston Villa v Watford – Din hija logħba bejn  żewġ timijiet li dan l-aħħar mhu­miex sejrin tajjeb tant li l-Villa ħadu rebħa, żewġ draws u żewġ telfiet mill-aħħar ħames logħbiet u l- Hornets ġew draw tnejn u tilfu tlieta meta issa jinsabu qabel tal-aħħar sitt punt wara Newcastle.

Brighton v Burnley – Logħba bejn żewġ timijiet li qed ikollhom staġun kuntrastuż hija din meta Brigh­ton jinsabu fid-disa’ post bi 33 punt u l-Clarents huma ankrati fil-qiegħ tal-klassifika b’14-il punt.

Il-manager ta’ Brighton, Graham Potter, daħħal sistema ta’ tqassim fit-team li an­ke għandu vizzju li jikseb ri­­żultati lejn tmiem il-partita.

C. Palace v Chelsea – Iċ- champions tal-Ewropa u rebbieħa tas-Super Cup, Chel­sea, se jmorru għand Crystal Palace fl-ewwel dehra tagħhom bħala cham­pions tad-dinja wara li l-Ħadd li għadda għelbu lil Palmeiras tal-Brażil fl-Emirati Għarab Magħ­quda. Dan għamluh fi ftit iktar minn sena mindu ħatru lill-Ġermaniż Thomas Tuchel bħala manager.

Illum huma se jiffaċċjaw lill-Eagles li taħt Patrick Vieira qed ikollhom staġun sodisfaċenti meta qed jokkupaw it-13-il post waqt li Chelsea, li dan l-aħħar marru ftit lura fil-kampjonat, jinsabu t-tielet erba’ punti fuq Manchester United.

Liverpool v Norwich – Friski mir-rebħa 2-0 kontra Inter fiċ-Champions League, ir-Reds se jkunu f’Anfield biex jilqgħu lil Norwich City li wara bidu tajjeb taħt il-manager Dean Smith, issa qed jerġgħu jitilfu l-punti tant li anke niżlu fit-18-il post.

Min-naħa tagħhom, Li­ver­pool, li jinsabu fit-tieni post, ġejjin minn erba’ reb­ħiet wara xulxin u llum ma jidhirx li għandhom ifallu l-punti.

Southampton v Everton – Dawn iż-żewġ timijiet jin­sabu mifrudin b’seba’ punti u sitt postijiet bit-team ta’ Frank Lampard, li rebaħ tliet punti biss mill-aħħar 15 irid joqgħod attent għax telf ta’ iktar punti jistgħu jkunu detrimentali. Min-naħa tas-Saints huma jinsabu f’qagħda stabbli u ma jidhrux li jistgħu jinqabdu fit-taqtiegħa kontra r-relegazzjoni.

Leeds U. v Man U. – Il- partiti bejn iż-żewġ Uniteds dejjem ikunu missielta, iżda dan l-istaġun Manchester jinsabu 20 punt aħjar minn Leeds meta qed jit­ħabtu biex jidħlu fiċ-Champions League waqt li t-team ta’ Yorkshire ma jidhirx li se jkun qed jissielet biex ma jaqax meta qed igawdu sitt punti vantaġġ mit-team it-tielet mill-aħħar.

Wolves v Leicester C. – Din il-logħba tagħlaq il- programm ta’ tmiem il-ġim­għa biż-żewġ timijiet ġejjin minn rebħiet importanti. Wol­ves minn dik kontra Tot­tenham li fiha għelbuhom 2-0 f’Londra u Leicester  minn rebħa kbira 4-1 fl-Europa Conference Lea­gue kontra Randers FC tad-Da­nimarka.

Bħalissa Wolves jinsabu 10 punti fuq il-Foxes meta tilfu logħba u rebħu erbgħa mill-aħħar ħames ħarġiet waqt li Leicester ġejjin minn rebħa, żewġ draws u żewġ telfiet.

Sport