Fi tmiem il-ġimgħa se jintlagħab it-tieni programm tal-Premier League Ingliż u għalhekk wieħed irid jara min se jibqa’ b’punti massimi u min se jibqa’ mingħajr punti. Fosthom insibu liċ-champions Liverpool u liċ-champions it-tliet snin ta’ qabel, Manchester City.
Liverpool se jkunu mpenjati fl-aħħar logħba meta nhar it-Tnejn imorru għand Newcastle meta bħalissa l-affarijiet bejniethom huma kemmxejn ‘jaħarqu’ minħabba s-saga tat-trasferiment tal-attakkant Svediż, Alexander Isak, li jrid jingħaqad mar-Reds akkost ta’ kollox tant li nistgħu ngħidu li ħarbat xi ftit lit-team tiegħu.
Ir-Reds fetħu b’rebħa ta’ 4-2 f’darhom kontra Bournemouth għalkemm iż-żewġ goals rebbieħa waslu fl-aħħar ħinijiet minn Federico Chiesa u Mohamed Salah. Dan wara li d-debuttant Hugo Ekitike fetaħ il-kont tiegħu bl-ewwel goal f’Anfield u warajh kien Cody Gakpo li għamel l- iskor 2-0. Min-naħa tal- Magpies huma marru Villa Park u ħadu punt kontra Aston Villa fi draw ta’ mingħajr goals.
Arsenal se jkunu fl-Emirates biex jilqgħu lill-promossi Leeds United meta t-tnejn ġejjin minn rebħa ta’ 1-0 fuq Man United u Everton rispettivament. Wieħed għad irid jara kif se jmur l-attakknt Svediż, Viktor Gyokeres, li kontra l-United kellu debutt verament kwiet.
Iżda min-naħa l-oħra ta’ min jgħid li l-Gunners iktar għamlu ħin jiddefendu milli jattakkaw bil-konsegwenza li l-United spiċċaw frustrati li almenu ma ħadux punt.
Logħba mistennija hija dik fl-Etihad Stadium bejn Manchester City u Tottenham li t-tnejn bdew fuq nota tajba, tal-ewwel rebħu 4-0 kontra Wolves f’Molineux u Spurs rebħu 3-0 kontra l-promossi Burnley f’Tottenham Stadium.
Bournemouth u Wolves se jkunu fil-Vitality Stadium meta t-tnejn sofrew erba’ goals iżda ċ-Cherries almenu skorjaw tnejn minn Antoine Semenyo li minkejja li ġie ttantat minn xi clubs ma jidhirx li se jabbandunahom.
Illum Wolves jistgħu jinkludu xi players ġodda bħal Jhon Arias li jista’ jibda mill-bidu u forsi l-aħħar akkwist, Jackson Tchatchoua.
Brentford, li bdew b’telfa 3-1 għand Nottm Forest, jidhru li se jħossu lill-attakkant Bryan Mbuemo waqt li jistgħu jitilfu lid-difensur u captain Irlandiż, Nathan Collins, li jista’ jingħaqad ma’ Spurs.
Il-Villa kellhom xi taqlib fit-team u wieħed irid jara x’team se jkollu l-manager Unai Emery wara li jagħlaq is-suq tat-trasferimenti tas- sajf fl-1 ta’ Settembru.
F’Turf Moor se jiltaqgħu ż-żewġ timijiet promossi, Burnley u Sunderland b’dawn jiksbu posthom mal-kbar wara tmien snin wara li rebħu l-finali tal-play-off taċ-Championship f’Wembley.
Il-Black Cats kellhom bidu mill-aqwa meta għelbu lil West Ham 3-0 fl-Istadium of Light. Rebħa għal xi wieħed minnhom tgħollilhom il-moral fl-istadju bikri tal-kampjonat.
Crystal Palace, li nhar il-Ħamis iddebuttaw b’rebħa fil-Conference League meta f’darhom għelbu lil Fredrikstad tan-Norveġja b’goal uniku ta’ Jean-Philippe Mateta.
Għada se jerġgħu jkunu f’Selhurst Park biex jilqgħu lil Nottm Forest li diġá urew il-potenzjal tagħhom meta fl-ewwel ġurnata għelbu lil Brentford 3-1 b’dawn inaqqsu l-marġni wara li kienu 3-0 minn taħt.
Il-Forest għamlu xi akkwisti siewja u dan l- istaġun iridu jpattu billi jiksbu post fiċ-Champions League minflok fl-Europa League.
Żewġ timijiet b’riżultati mħallta fl-ewwel ġurnata, Everton u Brighton, se jiltaqgħu fl-istadium il-ġdid tat-Toffeemen, li sfaw megħluba 1-0 minn Leeds b’penalty kontroversjali lejn it-tmiem waqt li s-Seagulls fallew it-tliet punti meta Fuham skorjaw il-goal tad-draw 1-1 tard fil-ħin miżjud.
L-aħħar logħba ta’ għada tara lil Fulham iħabbtuha kontra Manchester Uniited li bdew b’telfa 1-0 f’darhom kontra Arsenal. Għalhekk wieħed irid jara kif se jirreaġixxu kontra l-Cottagers li f’darhom jagħtu logħba lil kull avversarju.
L-attenzjoni terġa’ tkun mixħuta fuq l-akkwisti l-ġodda Mbuemo, Matheus Cunha u Sebastian Sesko, għalkemm s’issa m’għandhomx goalkeeper li jserrħilhom rashom.