Meta fit-tieni ġurnata tal-Premier League Ingliż kienu tliet timijiet biss li baqgħu b’punti massimi, issa huma biss ċ-champions Liverpool li żammew ir-rekord ta’ 100% meta għamlu dan b’goal uniku kontra Arsenal minn free-kick spettakolari ta’ Dominik Szombozlai.
Fin-naħa t’isfel tal-klassifika kienu Wolves u West Ham li ma rebħux punti wara żewġ logħbiet b’tal- ewwel jibqgħu l-uniku team li għadu ma rebaħ l-ebda punt waqt li flimkien ma’ Newcastle, Fulham u Aston Villa għadu bla rebħa wkoll.
Għaldaqstant issa rridu naraw jekk hux se jkun hemm xi bidla fin-naħa ta’ fuq u fin-naħa t’isfel tal- klassifika fir-rigward ta’ rebħ u telf.
Wara l-waqfa internazzjonali l-programm se jibda bil-logħba kmieni waranofsinhar li fiha Arsenal se jilqgħu lil Nottingham Forest fl-Emirates Stadium, li wara li keċċew lill-manager Portugiż, Nuno Espirito Santu, ħatru mill-ewwel mill-Grieg/Awstraljan, Ange Postecoglou, li xahrejn ilu tkeċċa minn Tottenham wara li rebbaħhom l-Europa League u daħħalhom fiċ-Champions League wara li temmew fis-17-il post fl-istaġun li għadda.
Il-Gunners jinsabu fit- tielet post b’sitt punti jillidjaw ħames timijiet oħra waqt li l-Forest bdew b’rebħa, draw u telfa, u għalhekk għandhom erba’ punti.
Liverpool se jkunu fl- azzjoni għada wara nofsinnhar meta jmorru għand il-promossi Burnley li s’issa ħadu rebħa minn tliet logħbiet. Min-naħa tat-team ta’ Arne Slot huma kellhom bidu tajjeb li tahom tliet rebħiet iżda jridu jirranġaw id-difiża li darbtejn ċediet vantaġġ ta’ żewġ goals għalkemm xorta ħarġu rebbieħa.
F’din il-partita, l-attakkant internazzjonali Svediż, Alexander Isak, mistenni jagħmel id-debutt tiegħu mar-Reds wara s-saga tat-trasferiment mingħand Newcastle.
Il-logħba l-iktar mistennija hija dik ta’ għada filgħaxija li fiha Manchester City jilqgħu lill-ġirien Manchester United.
Minkejja l-ġid ta’ players li għandu Pep Guardiola fl-Etihad Stadium bħalissa jinsabu punt wara l-United li minkejja l-players li attiraw għadhom ma qabdux art daqs kemm xtaqu.
Is-City se jkollhom barra lill-winger Omar Marmoush li weġġa’ waqt dmir internazzjonali mal-Eġittu iżda l-attakkant prolifiku Norveġiż, Erling Haaland, li nhar it-Tlieta skorja ħames goals fir-rebħa 11-1 kontra l-Moldova fil-kwalifiki Mondjali, jidher li qabad sew it-triq lejn il-lasti.
Fin-nofsinhar tal-pajjiż jiltaqgħu Bournemouth u Brighton fil-Vitality Stadium meta s’issa kisbu sitt punti u erba’ punti rispettivament fejn is-Seagulls tilfu lill-attakkant Joao Pedro lil Chelsea u ċ-Cherries lid-difensuri, Dean Huijsen lil Real Madrid u lil Milos Kerkez lil Liverpool rispettivament.
F’Selhurst Park, Crystal Palace se jilqgħu lill-promossi Sunderland li kellhom bidu inkoraġġanti tant li jinsabu s-sitta b’sitt punti, wieħed iktar mill- Palace li jinsabu fil-post ta’ warajhom.
Everton se jilagħbu kontra Aston Villa fil-Hill Dickenson Stadium maġenb ix-Xmara Mersey f’logħba li tidher bilanċjata. Iżda t-Toffeemen jidhru li bdew aħjar mill-Villans li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar b’punt biss waqt li t-team ta’ David Moyes qed jokkupa l-ħames post xi ħaġa li ilu ma jagħmel għal żmien twil.
It-team l-ieħor promoss, dak ta’ Leeds United, se jkun f’Londra ħdejn xmara wkoll li hija t-Thames meta jiltaqgħu kontra Fulham fi Craven Cottage.
Iż-żewġ timijiet jinsabu mifrudin b’żewġ punti favur Leeds li qed jokkupaw it-12-il post u l-Cottagers jinsabu t-tielet mill-aħħar.
Newcastle u Wolves se jiltaqgħu f’St James Park f’logħba li tista’ kattret animożitá meta l-Magpies insistew biex jakkwistaw lill- attakkant Norveġiż ta’ Wolves, Jorgen Strand Larsen, li min-naħa tagħhom, ma kienx se jkollhom żmien biex isibu ieħor minfloku.
Illum Newcastle se jkollhom xi players neqsin fosthom Anthony Gordon li jinsab sospiż waqt li Wolves iridu jaraw lil min se jibdew mill-players li waslu tard fis-suq tat-trasferimenti peress li ma għamlux t-taħriġ ta’ qabel l-istaġun ma’ sħabhom.
Il-logħba tal-ħin tat-té se ssir fil-London Stadium u hija d-Derby ta’ Londra bejn West Ham u Tottenham. Bħalissa ż-żewġ timijiet jinsabu distanzjati fil-klassifika bi Spurs jokkupaw ir-raba’ post b’sitt punti minn żewġ rebħiet u l-Hammers il-ħames mill-aħħar bi tliet punti.
West Ham ġejjin minn rebħa ta’ 3-0 fuq il-Forest waqt li t-team ta’ Thomas Frank tilef l-aħħar logħba 1-0 kontra Bournemouth.
Finalment il-logħba li tagħlaq il-programm ta’ tmien logħbiet tal-lum hija Derby ta’ Londra oħra bejn Brentford u Chelsea li se tintlagħab f’ħin iktar familjari mal-logħob li jintlagħbu fost il-ġimgħa.
Chelsea, li bħal Liverpool u Crystal Palace, għadhom bla telfa, jinsabu fit-tieni post żewġ punti wara ċ-champions waqt li l-Bees jinsabu fil-15-il post bi tliet punti.