Il-programm tal-festi tal- Milied li kien it-18-il wieħed tal-Premier League Ingliż, beda nhar il-Ħamis li għadda fejn il-leaders Liverpool għelbu lil Leicester City u b’hekk fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti fuq Chelsea li jinsabu warajhom.
Fil-programm li jmiss li bih jintemm l-ewwel round, Liverpool se jkunu Londra biex jiffaċċjaw lil West Ham li ġejjin minn rebħa b’goal uniku kontra Southampton.
Min-naħa tagħhom ir-Reds kienu f’Anfield u f’lejla mċajpra għelbu lill-Foxes 3-1 wara li kienu dawn li fetħu l-iskor iżda għal darb’ oħra l-player stilla Eġizzjan, Mohamed Salah, issiġilla r-rebħa bit-tielet goal.
Il-Hammers ħadu żewġ rebħiet u żewġ draws kif ukoll sfaw megħluba darbtejn biex b’hekk qed jitbegħdu miż-żona l-ħamra u anke jtawlu ż-żmien tal-manager Julen Lopetegui fil-London Stadium.
It-team fit-tieni post, Chelsea, li kontra kull mistenni qed ikollhom staġun mill-aqwa, ħadu skoss lura meta mill-aħħar żewġ logħbiet ħadu punt biss, draw ta’ 0-0 kontra Everton f’darhom waqt li l-Ħamis tilfu 2-1 kontra wieħed mit-timijiet rivelazzjoni tal-istaġun, Fulham, wara li dawn kienu sabu ruħhom minn taħt.
Issa l-Blues ikunu mpenjati nhar it-Tnejn kontra Ipswich Town bil-logħba ssir f’Portman Road meta jkunu kompluti bil-partitarju famuż, il-kantant Ed Sheeran.
Iċ-champions Manchester City, jistgħu jgħidu addio liċ-ċansijiet li jżommu t-titlu għall-ħames darba wara l-oħra meta jinsabu 14-il punt wara l-leaders li anke lagħbu logħba inqas minnhom.
Is-City ma kienux kapaċi jegħlbu lil Everton meta spiċċaw fi draw ta’ 1-1 fil- logħba li l-attakkant Erling Haaland falla ċ-ċans tal-goal tar-rebħa meta fit-52 minuta ra lill-goalkeeper Jordan Pickford isalva x-xutt tiegħu mill-11-il metru.
Għada s-City se jkunu fil-King Power Stadium biex jiltaqgħu kontra Leicester li ġejjin minn żewġ telfiet kontra Wolves (3-0) u Liverpool (3-1) li rawhom jinżlu t-tielet mill-aħħar fil-klassifika.
Crystal Palace, li kellhom żewġ logħbiet diffiċli kontra Arsenal, fejn tilfu 3-2 fil-kwarti-finali tal-League Cup u 5-1 fil-kampjonat, se jkunu f’Selhurst Park biex jilqgħu lil Southampton f’logħba li ma jidhrux li għandhom jitilfuha meta s-Saints jinsabu ankrati fil-qiegħ tal-klassifika.
Din il-logħba ġejja wara li nhar il-Ħamis l-Eagles ġew draw 0-0 għand Bournemouth u Southampton tilfu 1-0 f’St Mary’s Stadium kontra West Ham li kkundannat lill-manager ġdid, il-Kroat Ivan Juric, għal telfa fl-ewwel dehra tiegħu mas-Saints.
Everton, li qed inaqqru l-punti biex iżommu posthom mal-kbar, se jilqgħu lil Nottm Forest f’Goodison Park tant li ġejjin minn tliet draws konsekuttivi.
Iżda l-avversarji tagħhom għaddejjin minn forma brillanti meta għamluhom ħames rebħiet mill-aħħar sitt logħbiet bl-aħħar erbgħa jirbħuhom kollha.
Il-logħba l-oħra tal-lum hija bejn żewġ timijiet li mhux soltu jkunu fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika, Fulham u Bournemouth, iżda hemm jinsabu llum, eżattament fit-tmien u fis-sitt postijiet rispettivament meta u huma mifrudin b’punt biss.
Il-Cottagers ġejjin mir-rebħa stupenda kontra Chelsea u ċ-Cherries mid-draw (0-0) kontra Crystal Palace.
Wolves waqqfu sensiela negattiva ta’ erba’ telfiet wara li qabel kienu għamlu waħda pożittiva ta’ erba’ logħbiet bla telfa li kienu jinkludu żewġ rebħiet u żewġ draws.
Huma se jkunu fit-Tottenham Stadium biex jiltaqgħu kontra Tottenham Hotspur f’logħba li ħafna drabi jmorru tajjeb u meta Spurs mhumiex għaddejjin minn forma tajba kollox jista’ jiġri.
Issa li jinsabu taħt it-tielet manager Portugiż, Vitor Pereira, huma donnhom ingħataw stimolu ġdid tant li fl-ewwel żewġ ħarġiet tiegħu ferraħ mhux ftit lill-partitarji tagħhom b’rebħiet fuq Leicester (3-0) u Manchester United (2-0).
Spurs ġejjin mit-telfa 1-0 għand il-Forest u qabilha huma tilfu bl-iskor tennistiku ta’ 6-3 kontra Liverpool.
Aston Villa naqqsu ħafna mis-saħħa li kellhom aktar kmieni fl-istaġun meta ġejjin mit-telfa 3-0 kontra Newcastle wara li mill-erba’ logħbiet li kellhom dan ix-xahar rebħu tlieta u tilfu mal-Forest.
Il-Villans niżlu fid-disa’ post tal-klassifika ħames punti wara Arsenal li jinsabu r-raba’ bl-avversarji tagħhom Brighton jiġu warajhom bi tliet punti inqas minnhom.
Il-logħba l-oħra tat-Tnejn hija bejn Manchester United u Newcastle li għandhom riżultati kuntrastużi. Il-Magpies ġejjin minn żewġ rebħiet 4-0 kontra Leicester u Ipswich u 3-0 kontra l-Villa waqt li l-United ħadu żewġ draws u tilfu l-erba’ logħbiet l-oħra mill-aħħar sitta li kellhom.
Ċertament li l-manager Ruben Amorim għandu biċċa xogħol diffiċli biex itella’ lit-team aktar ‘il fuq fil-klassifika ħalli forsi jiksbu post fiċ-Champions League.
L-aħħar logħba tal-ewwel round se ssir fl-Ewwel tas-Sena li fiha Brentford jilqgħu lil Arsenal fid-derby ta’ Londra. Il-Bees jinsabu trankwilli f’nofs il-klassifika, iżda għall-Gunners xejn inqas minn rebħa ma hija tajba biex jisfidaw għat-titlu meta bħalissa jinsabu distakkati b’disa’ punti minn Liverpool.
Huma se jkunu mingħajr l-winger Bukayo Saka li jinsab imweġġa’.