Wara l-waqfa internazzjonali għall-preliminari tal-Euro 2024, fi tmiem din il-ġimgħa tintlagħab id-29 ġurnata tal-Premier League Ingliż fejn l-attenzjoni prinċipali tkun mixħuta fuq iż-żewġ logħbiet li se jsiru llum, biż-żewġ protagonisti li jinsabu f’taqtiegħa għar- rebħ tat-titlu, Manchester City u Arsenal, se jkunu qed jilagħbu f’darhom.
Iċ-champions renjanti Manchester City ikunu fl-Etihad Stadium waqt il-ħin tal-ikel biex jiltaqgħu kontra Liverpool f’logħba li xejn inqas minn rebħa ma hija tajba għalihom meta bħalissa huma jinsabu tmiem punti wara l-leaders Arsenal li pero’ lagħbu logħba iktar minnhom.
Is-City se jkunu mingħajr l-iskorer straordinarju, Erling Haaland, li jinsab imweġġa’, u Phil Foden li qed jirkupra minn operazzjoni tal-appendeċite .
Fl-aħħar sitt logħbiet is-City fallew żewġ punti fi draw ta’ 1-1 kontra Nottingham Forest waqt li Liverpool ġejjin minn telfa u draw fost erba’ rebħiet.
Il-Gunners se jiltaqgħu kontra Leeds United li jinsabu fit-taqbida kontra r-relegazzjoni meta jinsabu żewġ punti biss qabel it-team it-tielet mill-aħħar fil-klassifika. Huma se jkunu mingħajr l-internazzjonali Taljan, Wilfried Gnonto, li weġġa’ il-hamstring kontra Malta l-Ħadd li għadda.
It-team ta’ Mikel Arteta ġej minn sitt rebħiet wara xulxin waqt li l-Peacocks kisbu żewġ rebħiet u draw u tilfu t-tlieta l-oħra.
It-team fit-tielet post, Manchester United, li jinsabu 11-il punt wara s-City b’logħba inqas minnhom, se jkunu nvoluti f’konfront diffiċli kontra Newcastle f’St James Park meta dawn jinsabu tliet punti biss warajhom.
Il-forma tal-Magpies ma tantx tagħmel qari sabiħ meta ġejjin minn żewġ rebħiet, żewġ draws u sofrew żewġ telfiet bil-United isofru telfa waħda fost tliet rebħiet u żewġ draws. L-aħħar li t-timijiet iltaqgħu kien ix- xahar li għadda f’Wembley meta l-United ħarġu rebbieħa 2-0 biex rebħu l-League Cup.
Chelsea, li ftit li xejn għandhom ċans li jkunu fiċ-Champions League tal-istaġun ħlief li jirbħuh f’Mejju li ġej, se jkunu fi Stamford Bridge biex jilqgħu lil Aston Villa li jinsabu ras imb’ras magħhom bi 38 punt kull wieħed fl-10 u fil-11-il post rispettivament.
Il-ħajja taħt il-manager Graham Potter kienet waħda diffiċli u biex isalvaw l-istaġun iċ-ċans tagħhom huwa li jirbħu l-ikbar premju Ewropew.
Fl-aħħar sitt ħarġiet, il-Villa kisbu żewġ rebħiet, żewġ draws u żewġ telfiet waqt li l-Blues marru ftit aħjar bi tliet rebħiet, draw u żewġ telfiet.
Logħba mingħajr l-inkwiet tar-relegazzjoni hija dik bejn Brighton u Brentford, anzi t-tnejn qed jissieltu biex jiksbu post fit-tazzi Ewropej għall-ewwel darba. Huma jinsabu bi 42 punt kull wieħed.
Il-ħames logħbiet l-oħra huma kollha mċappsa mar- relegazzjoni li din is-sena tidher li hija l-ikbar waħda li kien hemm fl-istorja tal-Premier League meta tinvolvi xejn inqas minn disa’ timijiet.
Bournemouth se jkunu f’darhom kontra Fulham li qed ikollhom staġun tajjeb iżda wieħed għad irid jara r-reperkussjonijiet tal-kwarti-finali tal-FA Cup kontra Manchester United kemm se jaffettwaw lill-Cottagers li f’din il-logħba kellhom lill- manager Marco Silva, Willian u Alexandar Mitrovic jiġu imkeċċija. Iż-żewġ timijiet rebħu żewġ logħbiet mill-aħħar sitta li lagħbu.
Crystal Palace, li jinsabu fit-12-il post se jilqgħu lil Leicester City li qed jokkupaw is-17-il post iżda bejniethom hemm differenza ta’ żewġ punti biss.
Il-Palace se jkunu taħt l-eks manager, Roy Hodgson, wara li għadhom kif keċċew lil Patrick Vieira, bil-għan tagħhom ikun li jsalvaw posthom fil-Premier League.
Anke l-logħba fis-City Ground bejn Nottingham Forest u Wolves tidħol f’din il-kategorija b’dawn tal-aħħar, li mill-aħħar sitt logħbiet rebħu logħba, ġew draw f’oħra u tilfu erbgħa bil-Forest jiġu draw tnejn u jitilfu erbgħa.
Dan l-aħħar Wolves kellhom bosta deċiżjonijiet arbitrali li marru kontrihom iżda huma jridu joqogħdu attenti mill-kondotta tagħhom fil-ground speċjalment illum wara li kienu sfaw eliminati mil-League Cup kontra l-istess team u wara l-logħba nqala’ tilwim bejn il-players.
Logħba oħra kruċjali, li se tintlagħab għada, hija dik li fiha West Ham jiltaqgħu kontra Southampton fil-London Stadium meta jinsabu t-tielet mill-aħħar u fil-qiegħ tal-klassifika rispettivament.
Mill-aħħar sitt logħbiet il-Hammers rebħu sitt punti u s-Saints tmienja waqt li issa jinsabu mifsudin b’punt biss.
Imbagħad nhar it-Tnejn tintlagħab l-aħħar logħba li fiha Everton jospitaw lil Tottenham bit-tnejn ikollhom għanijiet differenti. It-Toffeemen qed jitħabtu biex ma jaqgħux waqt li Spurs, li se jkomplu l-istaġun taħt il- manager temporanju, Christian Stellini, minflok Antonio Conte li ġie mkeċċi, iridu jiksbu post fiċ-Champions League.