Saturday, February 7, 2026

Premier League Ingliż: Partiti diffiċli għal Manchester City u Aston Villa

Aqra wkoll

Il-leaders tal-Premier League Ingliż, Arsenal, jistgħu jkabbru l-vantaġġ fuq iż-żewġ timijiet ta’ waraj­ hom, Manchester City u Aston Villa, li bejnethom hemm punt biss jifridhom meta mill-bieraħ sa għada l-Ħadd jintlagħab il-25 programm tal-kampjonat.

Il-Gunners se jilqgħu lil Sunderland fl-Emirates Stadium meta mill-aħħar sitt logħbiet kienet minima d- differenza tal-punti mirbuħa miż-żewġ naħat meta Arsenal ħadu 11-il punt minn 18 li ġew minn tliet rebiet u żewġ draws u l-Black Cats tmienja minn żewġ rebħiet u żewġ draws.

Iżda ma rridux ninsew li  t-team tal-Franċiż, Regis Le Bris, irritorna mal-kbar dan l-istaġun wara tmien snin neqsin fosthom wieħed f’Lea­gue One.

Arsenal qed ikollhom jgħaddu mingħajr bosta players imweġġa’ għalkemm id-difensuri, William Saliba u Gabriel Magalhaes, reġgħu f’sikkithom bħall-attakkant Kai Havertz, li qed ikun utli bil-goals importanti li qed jiskorja.

Sunderland jinsabu ħa­mes punti bogħod mir-raba’ post li għalihom hija pożiz­zjoni għolja ħafna, bogħod minn kull inkwiet tar-relegazzjoni.

It-team fit-tieni post, Manchester City, se jkunu fl-az­zjoni fl-aħħar konfront ta’ dan il-programm meta għada jmorru f’Anfield biex jiltaqgħu maċ-champions Li­verpool li l-aħħar sitt logħ­biet tagħhom ma tantx kienu feliċi meta minnhom ħadu rebħa u erba draws flimkien mat-telfa 3-2 f’darhom kontra Bournemouth.

Min-naħa tas-City, li fit-22 ta’ Marzu se jiltaqgħu ma’ Arsenal fil-finali tal-League Cup, kisbu l-istess numru ta’ punti mill-aħħar sitt logħ­biet jiġifieri rebħa u erba’ draws bl-aħħar waħda tkun dik 2-2 kontra Tottenham f’Londra.

It-team fit-tielet post, Aston Villa, sofrew tliet telfiet fl-aħħar sitt ħarġiet iżda xorta baqgħu f’pożizzjoni komda biex jispiċċaw mal-ewwel erbgħa ħalli jaċċertaw post fiċ-Champions League wara li fl-Europa League kurrenti marru tajjeb ħafna meta spiċċaw jaqsmu l-ewwel post ma’ Lyon fi tmiem il-Fażi tal-Kampjonat.

Il-Villa se jmorru fil-Vitali­ty Stadium biex jiltaq­għu kontra Bournemouth.

Il-Ħadd li għadda t-team ta’ Unai Emery tilef 1-0 f’daru kontra Brentford u għalhekk il-logħba tal-lum hija perikoluża minn aspett ieħor meta l-Bees huma bejn wieħed u ieħor meqjusa tal-istess livell taċ-Cherries.

It-team fir-raba’ post, Manchester United, se jkunu f’Old Trafford kontra Tottenham fil-logħba li tiftaħ il- programm tal-lum kmieni wara nofs in-nhar.

Spurs qabdu lill-United meta dawn huma l-iktar team fil-forma fl-aħħar sitt logħbiet meta huma l-uniċi li ma ġewx megħluba u anke kisbu l-iktar punti – 12 – wieħed iktar minn Arsenal, Chelsea u Bournemouth. li kollha rebħu 11-il punt.

Il-United, li fdaw il-fortuni tagħhom sal-aħħar tal-istaġun f’idejn l-eks player tagħhom, Michael Carrick, s’issa għandhom ikunu sodisfatti b’dak li qed joffri t-team meta ġejjin minn tliet draws u tliet rebħiet f’din l-ordni bir-rebħiet ikunu kontra Manchester City (2-0 home), kontra Arsenal (3-2 away) u kontra Fulham (3-2 home).

L-avversarji tagħhom Tottenham jinsabu ‘l isfel fil- klassifika tant li mill-aħħar sitt logħbiet ma rebħux waħda b’erba’ draws u f’nofs­hom sofrew żewġ telfiet.

Meta jinsabu fl-14-il post b’29 punt jistgħu jiksbu post fl-Ewropa għalkemm dan l-istaġun ma marrux ħażin fiċ-Champions League tant li anke temmew il-Fażi tal- Kampjonat fil-ħames post tal-klassifika twila 36 team.

Logħba diretta kontra r-relegazzjoni hija dik li se tintlagħab f’Turf Moor bejn Burnley u West Ham, żewġ timijet bl-istess kuluri – Maroon.

Burnley ma rebħux logħba mill-aħħar sitta iżda lanqas waħda fl-aħħar 15-il ħarġa li minnhom ħadu ħames punti minn ħames draws.

Min-naħa tal-Hammers huma jinsabu sitt punti wara Leeds United u Nottingham Forest li lbieraħ iltaqgħu f’Elland Road.

It-timijiet fid-disa’ u fl-10 postijiet li għandhom 34 punt kull wieħed, Fulham u Everton, se jiltaqgħu fi Craven Cottage meta jinsabu trankwilli minn kull periklu tar-relegazzjoni.

Huma jistgħu anke jagħtu spinta biex forsi jikkwalifikaw għall-Ewropa meta mhu­miex ‘il bogħod minn dan it-tragward.

Chelsea, diżappuntati li ma għaddewx għall-finali tal-League Cup tax-xahar id-dieħel, se jmorru għand Wolves li dan l-aħħar għamlu kambjament meta qabel ma sofrew żewġ telfiet kontra Manchester City u Bournemouth, ħadu rebħa u tliet draws, xi ħaġa rari għali­hom dan l-istaġun.

Newcastle se jippruvaw jinsew id-diżappunt li ġew eliminati mil-League Cup minn Manchester City u llum żgur li se jippruvaw jinsew id-diżappunt ta’ din id-disfatta billi jegħlbu lil Brentford f’St James Park ħalli jitilgħu ‘l fuq fil-klassifika u jidħlu biċ-ċans għal post fiċ-Champions League.

Peró huma jridu li l-attakkant Ġermaniż, Nick Woltemade, ikun iktar kliniku quddiem il-lasti meta skorja seba’ goals biss f’21 logħba.

Min-naħa tat-team ta’ Keith Andrews, huma jinsabu fis-seba’ post b’punti biżżejjed biex iħabbtu l-bieb għal post fl-Ewropa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport