Il-leaders tal-Premier League Ingliż, Arsenal, illum jistgħu jkabbru l-vantaġġ meta se jilqgħu lit-team tal-qiegħ tal-klassifika, Wolves, li għadhom ifittxu l-ewwel rebħa wara 15-il logħba.
Dan minħabba li ż-żewġ timijiet ta’ warajhom, Manchester City u Aston Villa, li jinsabu tnejn u tliet punti rispettivament inqas minnhom se jkunu barra minn darhom kontra timijiet f’postijiet kuntrastużi fil- klassifika li huma Crystal Palace, li jinsabu r-raba’ u fiż-żona taċ-Champions League u West Ham se jilqgħu lill-Villa meta jinsabu fit-taqtiegħa kontra r-relegazzjoni.
U l-affarijiet qed jindikaw hekk meta ż-żewġ timijiet u Arsenal kienu mpenjati fil-kompetizzjonijiet Ewropej bit-tlieta li huma rritornaw lejn pajjiżhom b’rebħa.
Il-Gunners warrbu l-isfda ta’ Club Bruges (3-0), is-City lil Real Madrid (2-1) u l-Villa lil Basel (2-1) meta kollha kienu qed jilagħbu barra minn darhom.
Għat-team ta’ Mikel Arteta l-akkwist il-ġdid Noni Madueke skorja doppjetta fil-Belġju u jaf jiskorja anke kontra Wolves bħal m’għamel f’Awwissu tas-sena l-oħra meta skorja hat-trick fir-rebħa 6-2 ta’ Chelsea f’Molineux.
Is-City sabu ruħhom minn taħt b’goal ta’ Rodrygo fil-Bernabeu, iżda Nico O’Reilly u Erling Haaland minn penalty dawru telfa f’rebħa fi spazju ta’ tmien minuti qabel il-mistrieħ.
L-avversarji tagħhom illum huma wieħed mit-timijet rivelazzjoni tal-istaġun, Crystal Palace, li bħalissa jinsabu fir-raba’ post u ħadd ma jkun jaf fejn hu meta jilgħab kontrihom.
Minkejja li l-Eagles tilfu lil Eberiche Eze lil Arsenal jistgħu anke jaraw lill-manager Awstrijak, Oliver Glasner, iħalli l-club ukoll biex jingħaqad ma’ Liverpool meta post Arne Slot ma jidhirx sod ħafna f’Anfield.
Min-naħa tal-Villans huma wkoll irritornaw b’rebħa li rathom jitilgħu fit-tielet post tal-Europa League waqt li t-tielet post fil-kampjonat huwa fuq il-mertu tagħhom meta tilfu tliet punti biss mill-aħħar 30 għad-dispożizzjoni tagħhom.
Illum waranofsinhar ikun hemm żewġ logħbiet meta Chelsea jilqgħu lil Everton fi Stamford Bridge u Liverpool jospitaw lil Brighton f’Anfield. Minkejja li se jkunu barra minn darhom it-Toffeemen u s-Seagulls kapaċi jħabbtu lil kull avversarju bil-Blues u r-Reds iridu japprofittaw mill-vantaġġ tal-ground.
Għal Liverpool se jibqa’ barra Mohamed Salah li ma tkunx ħaġa kbira jekk huwa diġá lagħab l-aħħar logħba magħhom wara l-kontroversji li nqalgħu bejnu u bejn Slot.
Bħal ma jgħid il-Malti Salah jidher li “tilef il-qaleb u l-ġbejna” wara snin mgħolli fuq l-idejn bil-wirjiet u l-goals tiegħu li donnhom sparixxew mindu fis-sajf ġie mogħti kuntratt ġdid ta’ sentejn.
Il-logħba tal-ħin tat-té tara lit-team ta’ qabel l-aħħar, Burnley, kontra Fulham meta ġejjin minn sitt telfiet konsekuttivi bil-Cottagers imorru aħjar meta kisbu tliet rebħiet u sofrew tliet telfiet.
It-team ta’ Marco Silva jinsab erba’ punti fuq iż-żona l-ħamra u għaldaqstant rebħa llum tarahom isaħħu l-pożizzjoni tagħhom.
Żewġ timijiet li ġejjin mill-impenji fl-Ewropa, Nottingham Forest u Tottenham, se jiltaqgħu fis-City Ground bi Spurs trankwilli fil-11-il post u l-Forest jinsabu żewġ punti biss aħjar minn West Ham li jinsabu t-tielet mill-aħħar u fil-periklu tar-relegazzjoni.
It-team ta’ Thomas Frank waqqaf sensiela ta’ ħames logħbiet negattivi meta l- ġimgħa l-oħra għelbu lil Brentford 2-0 bil-Forest ġejjin minn tliet rebħiet, draw u żewġ telfiet.
Wara tmien snin se tirritorna d-Derby tan-North-East meta fli Stadium of Light, Sunderland se jiltaqgħu kontra Newcastle United meta dawn tal-aħħar ġejjin minn draw 2-2 kontra l-Ġermaniżi, Bayer Leverkusen, bid-draw ta’ dawn jasal żewġ minuti mit-tmiem.
Il-Magpies jinsabu f’pożizzjoni komda li b’rebħa u tnejn jafu jsibu ruħhom qed jisfidaw għal post fl-Ewropa.
L-aħħar logħba ta’ għada tara lil Brentford jiffaċċjaw lil Leeds United meta l-Bees, illum taħt il-manager Keith Andrews, qed ikomplu jiksbu riżultati pożittivi minkejja li fis-sajf telquhom Bryan Mbuemo u Joane Wissa ma’ Manchester United u Newcastle rispettivament.
Leeds, li ġejjin mir-riżultat inkredibbli ta’ 3-3 kontra Liverpool f’Anfield, ġejjin minn rebħa u d-draw imsemmi wara erba’ telfiet wara xulxin, meta jinsabu żewġ punti biss fuq iż-żona l-ħamra.
Is-16-il programm tal-kampjonat jagħlaq nhar it-Tnejn meta Manchester United jerġgħu jkunu fl-azzjoni f’din il-ġurnata, iżda din id-darba se jkunu f’Old Trafford.
Wara bidu nċert il-United jidhru li ssetiljaw għalkemm rebħa lil hinn u lil hawn rathom iżommu post fl-ewwel nofs tal-klassifika u bħalissa jinsabu jaqsmu l- ħames post ma’ Chelsea.
Dan l-aħħar iċ-Cherries mhumiex sejrin tajjeb meta mill-aħħar sitt ħarġiet ħadu żewġ draws u sofrew erba’ telfiet.
Forsi l-attakkant Antoine Semenyo għaddej minn forma ħażina meta huma jistrieħu ħafna fuq il-goals tiegħu.

