Meta fi tmiem din il-ġimgħa se jintlagħab il-11-il programm tal-Premier League Ingliż l-attenzjoni mhux se tkun mixħuta fuq logħba partikolari, iżda fuq tlieta li huma Tottenham kontra Manchester United, Sunderland kontra Arsenal u Manchester City kontra Liverpool.
Illum Tottenham se jilqgħu lill-United meta bħalissa jinsabu bi 17-il punt kull wieħed bi Spurs ikollhom il-vantaġġ fid-differenza tal-goals – +8 iktar mill- avversarji tagħhom.
Fl-aħħar sitt ħarġiet il- United għamlu passi kbar ‘il quddiem meta minnhom ħadu 13-il punt, ħamsa iktar mit-team ta’ Thomas Frank biex b’hekk laħquhom fil- punti.
Spurs ġejjin minn rebħa kbira 4-0 kontra Copenhagen fiċ-Champions League waqt li l-United ġew miżmuma draw 2-2 minn Nottingham Forest wara li kienu huma li fetħu l-iskor b’dawn tal-aħħar jiskorjaw darbtejn biex imorru 2-1 minn fuq u finalment kien Amad Diallo li ta punt lit-team ta’ Ruben Amorim.
It-team promoss ta’ Sunderland se jkun fl-Istadium of Light kontra l-leaders Arsenal li bħalissa għaddejjin minn żmien pożittiv tant li anke fiċ-Champions League qed juru l-qawwa tagħhom.
Il-Gunners ħadu 16-il punt mill-aħħar sitt logħbiet waqt li l-Black Cats ħadu 11.
Ċertament, dawn qed juru l-kwalitajiet kollha meta anke xtraw players ta’ stoffa fosthom il-midfielder Svizzeru, Granit Xhaka, mingħand Bayer Leverkusen, li qabel kien ma’ Arsenal.
Forsi l-logħba l-oħra bejn is-City u Liverpool hija l-iktar attrattiva meta tlaqqa’ lit-team ta’ Pep Guardiola kontra ċ-champions renjanti fl-Etihad Stadium meta t-tnejn ġejjin minn rebħiet impressjonanti fiċ-Champions League.
Hawnhekk Liverpool għelbu lil Real Madrid 1-0 filwaqt li s-City kisbu rebħa kbira ta’ 4-1 kontra Borussia Dortmund li jinsabu t-tielet fil-Bundesliga.
Logħba bejn Everton u Fulham li jinsabu fl-14 u fil-15-il postijiet rispettivament b’tal-ewwel b’vantaġġ ta’ punt, għandha tkun bilanċjata ħafna. It-Toffeemen ħadu ħames punti mill-aħħar sitt logħbiet u l-Cottagers sitta bl-aħħar waħda kontra Wolves tarahom iwaqqfu sensiela ta’ erba’ telfiet wara xulxin.
Logħba bejn żewġ timijiet fin-naħa t’isfel tal-klassifika tara lil West Ham jilqgħu lil Burnley fil-London Stadium bil-Clarets jinsabu r-raba’ mill-aħħar meta qed igawdu tliet punti iktar mill-Hammers.
Il-logħba ta’ tard illum hija dik fi Stamford Bridge li fiha Chelsea se jospitaw lil Wolves meta ġejjin minn draw diżappunti ta’ 2-2 kontra Qarabag tal-Azerbaijan bit-team tal-Midlands ukoll ġej minn telfa diżappuntanti ta’ 3-0 kontra Fulham li swiet it-tkeċċija tal-manager Portugiż, Vitor Pereira.
Barra minn hekk ġimgħa u nofs ilu l-Blues għelbu lil Wolves 4-3 biex għaddew għall-aħħar tmienja tal-League Cup f’logħba ta’ żewġ taqsimiet li setgħet anke ntemmet fi draw.
Għada se jintlagħbu ħames logħbiet oħra nkluża dik bejn Manchester City u Liverpool li kollha se jibdew fl-istess ħin meta f’kull waħda hemm timijiet li kienu nvoluti f’logħbiet tat-tazzi Ewropej.
Aston Villa se jkunu f’darhom kontra Bournemouth wara li l-Ħamis għelbu lil Maccabi Tel Aviv 3-1 f’Villa Park f’logħba li qajmet kontroversjali minħabba li l-partitarji tat-team Lhudi ġew miżmuma milli jattendu.
Wara bidu negattiv fil- kampjonat il-Villa setgħu qed iħabbtuha ma’ ta’ fuq li kieku l-ġimgħa l-oħra ma tilfux 2-0 kontra Liverpool, f’Anfield.
Newcastle, li nhar l-Erbgħa rebħu 2-0 f’darhom kontra Athletic Bilbao, se jmorru għand Brentford f’logħba li hija xi ftit jew wisq delikata għar-raġuni li l-Bees għandhom ċerta saħħa meta jkunu f’darhom.
Iżda l-Magpies iridu joqogħdu attenti li ma jinqabdux fin-naħa t’isfel tal-klassifika għalkemm il-qawwa tat-team ma tidhirx li dan għandu jseħħ.
Team ieħor li lagħab fl-Ewropa, Crystal Palace, li rebaħ 3-1 kontra AZ Alkmaar, se jkun involut f’logħba li tista’ tmur kull naħa meta l-avversarji tagħhom huma Brighton li bħalissa jinsabu post u punt warajhom.
Fil-logħba l-oħra ta’ għada, Nottingham Forest se jkunu fis-City Ground kontra Leeds United li qed jokkupaw is-16-il post bi 12-il punt, ħamsa iktar mill-Forest li jinsabu qabel tal-aħħar.
Il-Forest ġejjin minn draw 0-0 kontra Sturn Graz barra minn darhom fl-Europa League biex almenu qed jiksbu suċċess f’din il-kompetizzjoni għalkemm ma jridux jabbandunaw il-pożizzjoni tagħhom fil-Premier League.

