L-attenzjoni din il-ġimgħa hija mixħuta fuq il-finali tal-League Cup ta’ għada, iżda minbarra li Manchester City iridu rebħa biex jerġgħu jkunu f’vantaġġ komdu fil-quċċata tal-Premier League, hemm ukoll it-taqtiegħa għal min se jikseb post fl- ewwel erbgħa u parteċipazzjoni fiċ- Champions League.
Is-City se jmorru għand Everton li tista’ tkun logħba delikata minħabba li t-Toffeemen jinsabu żewġ punti biss fuq iż-żona l-ħamra bil-forma tagħhom ta’ rebħa u erba’ telfiet fl-aħħar ħames logħbiet xejn ma jawgura tajjeb.
Min-naħa tagħhom is-City ġejjin minn telfa mhux mistennija ta’ 3-2 f’darhom kontra Tottenham li bħal Everton tilfu erba’ logħbiet u sofrew telfa fl-aħħar ħames ħarġiet.
Manchester United jistgħu jsaħħu r-raba’ post meta jilqgħu lil Watford b’dawn jinsabu mhedda mir-relegazzjoni.
Leeds United huma team ieħor fil-biża’ li jisfgħu relegati meta jinsabu tliet punti fuq Burnley li jinsabu t-tielet mill-aħħar. Rebħa għal xi ħadd minnhom tagħmel differenza kbira għall-moral taż-żewġ timijiet, Tottenham biex jiksbu post fl-Ewropa u l-Peacocks biex ma jaqgħux.
Brentford jilqgħu lil Newcastle li donnhom qed jirkupraw mill-bidu xejn tajjeb tant li mindu ġew meħuda mill-Arabja Sawdija l-affarijiet irranġaw għat- tajjeb.
Il-Bees ħadu draw u erba’ telfiet u l-Magpies tliet rebħiet u żewġ draws mill-aħħar ħames ħarġiet.
Logħba li ż-żewġ timijiet ġejjin bl-istess rekord ta’ rebħa, żewġ draws u żewġ telfiet, hija dik bejn Brighton u Aston Villa u għalhekk id-differenza llum hija li s-Seagulls għandhom il- vantaġġ tal-ground.
Crystal Palace jilqgħu lil Burnley meta t-tnejn ġejjin minn rebħiet importanti, il-Palace fuq Watford u l-Clarets fuq Tottenham. Għalhekk il-logħba tidher li se tkun miftuħa għal kull riżultat.
Għada, West Ham ikunu f’darhom kontra Wolves li ġejjin minn żewġ draws u telfa rispettivament b’dawn tal-aħħar kontra Arsenal li nhar il-Ħamis għamlu double fuqhom.