Il-ħames programm tal-Premier League Ingliż jinkludi żewġ logħbiet ferm mistennija meta f’Old Trafford, Manchester United jilqgħu lil Chelsea, u fl-Emirates Stadium, Arsenal jiltaqgħu kontra Manchester City, li din il-ġimgħa kollha lagħbu fiċ-Champions League minbarra l-United li dan l-istaġun huma barra mill- Ewropa.
L-ewwel logħba tal-lum ta’ waqt l-ikla ta’ nofs inhar tara liċ-champions u leaders, Liverpool, jissieltu kontra l-ġirien Everton fid-Derby ta’ Merseyside.
S’issa t-team ta’ Arne Slot huwa l-uniku wieħed li baqa’ b’rekord ta’ 100% u llum irid joqgħod attent mit-Toffeemen li kellhom bidu tajjeb għal dan l- istaġun tant li jinsabu fis-seba’ post b’seba punti minn erba’ logħbiet.
Dan l-istaġun ir-Reds sabu ruħhom tliet darbiet b’vantaġġ ta’ 2-0 iżda kull darba l-avversarji jiksbu d-draw b’Mohamed Salah u sħabu dejjem irnexxielhom jiskorjaw il-goals tar-rebħa tard fil-partita.
Aktar tard filgħaxija jintlagħab il-konfront bejn il-United u Chelsea bil-Blues jinsabu waħedhom fil-ħames post bi tmien punti waqt li r-Reds jinsabu erba’ punti lura fl-14-il post b’rebħa u draw.
Chelsea ġejjin minn telfa 3-1 kontra Bayern Munich u flimkien ma’ Newcastle kienu l-uniċi timijiet Ingliżi mill-ħamsa li qed jieħdu sehem fiċ-Champions League li ħarġu telliefa bit-tlieta l-oħra jirbħu kollha.
Il-logħba l-kbira ta’ għada hija dik bejn Arsenal u Manchester City li t-tnejn kellhom bidu tajjeb b’rebħiet identiċi ta’ 2-0 kontra Athletic Bilbao u Napoli rispettivament.
Il-Gunners jinsabu tliet punti wara Liverpool bi tliet rebħiet u telfa kontra r-Reds li sofrewha b’goal stupend fit-83 minuta minn Dominik Szobozlai.
Min-naħa tiegħu, it-team ta’ Pep Guardiola, li kellhom żewġ rebħiet bejn żewġ tel- fiet, għadhom ma fetħux il-kanuni kollha tagħhom minkejja li Erling Haaland diġá beda jsib ix-xibka b’mod regolari.
Logħba li għandha tkun interessati hija dik li se ssir fl-AMEX Stadium ta’ Brighton li se jilqgħu lil Tottenham b’dawn jiksbu tliet rebħiet waqt li s-Seagulls bdew b’rebħa, draw u żewġ telfiet.
Spurs ġejjin minn bidu nkoraġġanti fiċ-Champions League wara r-rebħa 1-0 kontra Villarreal nhar it-Tlieta.
Il-promossi Burnley se jiltaqgħu kontra Nottingham Forest f’Turf Moor b’dawn tal-aħħar issa jinsabu taħt il-manager Grieg-Awstraljan, Ange Postecoglu, wara li l-club keċċa lil Nuno Espirito Santo mill-kariga iktar minħabba tilwim mas-sid tal-club milli fuq kwistjonijiet ta’ football.
Burnley, li jinsabu taħt it-tmexxija tal-manager Scott Parker, ftit li xejn bdew tajjeb meta għadhom kisbu rebħa biss minn erba’ logħbiet. Illum għandhom logħba diffiċli minkejja li nhar l-Erbgħa l-Forest sfaw eliminati mil-League Cup minn Swansea City taċ-Championship.
West Ham jinsabu fl-istess ilma ta’ Burnley u l-avversarji taghom tal-lum, Crystal Palace, li jinsabu fid-disa’ post b’sitt punti, qed jagħtu logħba lil kulħadd inklużi lit-timijiet il-kbar.
L-Eagles għandhom players ta’ kwalitá bħal Marc Guehi, Jean-Philippe Mateta u Adam Wharton fost oħrajn għalkemm neħħew lil Ebereche Eze li sieħeb lil Arsenal.
Team ieħor promoss, Leeds United, se jkun f’Molineux kontra Wolves f’logħba li dawn ma jaffordjawx jitilfu wara li bdew b’rekord negattiv ta’ erba’ logħbiet mingħajr ma kisbu punt, xi ħaġa li saret l-ewwel darba fl-istorja tagħhom.
Il-manager Vitor Pereira għad irid isib il-formazzjoni ġusta minħabba li bosta players ingħaqdu mal-club tard fis-suq tat-trasferimenti.
Min-naħa ta’ Leeds huma għandhom erba’ punti li żgur jagħmlulhom kuraġġ għal din il-logħba għax rebħa tarahom jitilgħu ‘l fuq sew fil-klassifika.
Għal darb’oħra llum se jkun hemm logħba tard meta Fulham u Brentford jiltaqgħu fid-Derby ta’ Londra bil-Cottagers ikunu f’darhom meta bħalissa qed igawdu punt vantaġġ fuq il-Bees.
Il-ġimgħa l-oħra Fulham straħu fuq auto-goal fil-ħin miżjud meta lagħbu kontra Leeds u għalhekk iridu jsibu x-xibka iktar spiss biex ma jinqabdux fin-naħa t’isfel.
Għada wara nofs in-nhar se jintlagħbu żewġ logħbiet b’Bournemouth u Sunderland se jilqgħu f’darhom timijiet iktar ikkwotati minnhom, Newcastle u Aston Villa rispettivament.
Bournemouth, li bdew l-istaġun tajjeb ħafna tant li jinsabu fir-raba’ post tliet punti wara Liverpool wara li bdew b’telfa 4-2 kontra l- istess Reds, ħadu tliet rebħiet fuq xulxin, jospitaw lil Newcastle.
Il-Magpies li ġejjin minn telfa 2-1 kontra Barcelona fiċ-Champions League, bdew b’żewġ draws u telfa, iżda s-Sibt kisbu l-ewwel rebħa kontra Wolves. Illum se jiffaċċjaw avversarji iktar b’saħħithom meta jippossjiedu players ta’ stoffa.
Il-logħba l-oħra se ssir fl-Istadium of Light fejn Sunderland jilqgħu lil Aston Villa li xejn ma kellhom bidu tajjeb tant li qegħdin qabel tal-aħħar b’żewġ punti waqt li għadhom ma skorjawx goal.
Għall-kuntrarju l-Black Cats kellhom bidu mill-aqwa meta jinsabu fis-seba’ post b’seba’ punti.