Saturday, March 15, 2025

Premier League Ingliż:Logħbiet kruċjali għal ħafna timijiet

Aqra wkoll

Fi tmiem il-ġimgħa se tintlagħab id-29 ġurnata tal-Premier League Ingliż fejn l-iktar logħba ta’ attrazzjoni hija d-Derby ta’ Londra bejn Arsenal u Chelsea li t-tnejn qed jitħabtu biex ikunu fil-UEFA Champions League għalkemm hemm logħbiet oħra kruċjali għal ħafna timijiet.

Arsenal jinsabu fit-tieni post 15-il punt wara l-leaders Liverpool u jekk jirbħu għada jiġu 12 taħthom b’logħob indaqs meta jkun fadal disa’ logħbiet oħra għat-tmiem.

It-team fit-tielet post, Nottingham Forest, se jmorru għand Ipswich Town li jinsabu mhedda bir-relegazzjoni. Għalhekk iż-żewġ timijiet iridu l-punti, il-Forest għandhom bżonnhom biex jikkwalifikaw għaċ-Cham­pions League.

Iż-żewġ timijiet l-oħra fil-periklu tar-re­legazzjoni, Leicester City u Southampton, se jiffaċċjaw avversarji b’għanijiet differenti.

Il-Foxes se jilqgħu f’darhom lil Manchester United li jridu jitilgħu aktar ‘il fuq fil-klassifika waqt li s-Saints se jilqgħu lil Wolves li nistgħu ngħidu li jinsabu fil-periklu minkejja differenza ta’ sitt punti u d-diffe­renza fil-goals li jitqies bħala punt ieħor.

Żewġ logħbiet li jikkonċernaw iċ-Champions League huma Manchester City kontra Brighton li jinsabu mifrudin b’punt fil-ħames u fis-seba’ postijiet rispettivament.

Il-logħba l-oħra hija Bournemouth kontra Brentford fejn iktar jinsabu viċin tal-ewwel meta l-Bees huma daqsxejn maqtugħin meta jinsabu fit-12-il post bi 38 punt.

Everton u West Ham jinsabu fuq iż-żona l-ħamra iżda mhumiex fil-periklu għalkemm ikunu jridu jitbegħdu iktar ħalli jaċċertaw li ma jkollhom l-ebda inkwiet.

Id-derby l-oħra ta’ Londra bejn Fulham u Tottenham ma tidhirx li għandha xi interess partikolari għalkemm it-tnejn iridu jtemmu ‘l fuq kemm jista’ jkun.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport