Saturday, December 14, 2024

Premier League: Jispikka d-derby ta’ Manchester

Aqra wkoll

Id-Derby ta’ Manchester bejn is-City u l-Uni­ted, dejjem kien wieħed ferm mistenni meta r-riva­litá bejn iż-żewġ timi­jiet mill-istess belt dejjem kie­net ħarxa u akkanita. U din id-darba m’għandux jonqos milli jkun wieħed simili.

Il-logħba, li se ssir għada għall-ħin tat-té, se tintlagħab fl-Etihad Stadium meta bħalissa ż-żewġ timi­jiet jinsabu mifrudin bi tmiem punti bis-City fir-raba’ post u l-United fit-13-il post.

Iżda f’dawn l-aħħar sitt logħbiet it-team ta’ Pep Guardiola ħa erba’ punti biss waqt li tilef l-erbgħa ta’ qabel. Min-naħa ta’ Bruno Amorim, il-United reb­ħu erba’ punti minn reb­ħa kontra Everton (4-0) u draw kontra Ipswich (1-1) iżda ġejjin minn żewġ tel­fiet kontra Arsenal (2-0) away u Nottingham Forest (3-2) home.

Fost il-ġimgħa s-City sfaw megħluba 2-0 minn Juventus fiċ-Champions League biex ipperikolaw posthom fir-round tan-knock-out waqt li l-Uni­ted għelbu lil Viktoria Pl­zen tar-Repubblika Ċeka 2-1 barra minn darhom b’goal lejn it-tmiem wara li kienu sabu ruħhom minn taħt.

Il-leaders Liverpool se jkunu f’Anfield biex jilq­għu lil Fulham, team li ma tafx fejn int kontrih. Min-naħa tar-Reds l-aħħar logħba tagħhom fil-kampjonat kienet id-draw 3-3 kontra Newcastle meta żball tal- goalkeeper Caoim­hin Kel­leher eżatt mal-ħin swielhom żewġ punti ferm im­portanti.

Ir-Reds peró għandhom lis-superstilla Eġizzjan, Mohamed Salah, jagħmel id-differenza kemm bil-goals kif ukoll bl-assists.

Fil-logħba ta’ kmieni wara nofs in-nhar Arsenal se jiffaċċjaw lil Everton li ġejjin mir-rebħa kbira 4-0 kontra Wolves f’Goo­dison Park iżda fi tmiem il-ġimgħa l-oħra kellhom il-logħba kontra Liverpool tiġi postposta minħabba l-maltemp.

Newcastle se jilqgħu lil Leicester City, issa taħt il-gwida ta’ Ruud Van Nistlerooy, u dan jidher li jista’ jimmotivahom fit-taqtiegħa kontra r-relegazzjoni bħal ma kien il-każ fl-aħħar logħba kontra Brighton meta rkupraw żvantaġġ ta’ 2-0 biex marru lejn darhom b’punt prezzjuż meta ppa­reġġaw l-iskor għal 2-2 fl-aħħar ħinijiet.

Logħba ferm mistennija fin-naħa t’isfel tal-klassifika tara lil Wolves jilqgħu lil Ipswich Town f’Molineux meta t-tnejn għandhom disa’ punti kull wieħed u jinsabu fl-aħħar tliet postijiet.

Wolves għadhom jipperseveraw bil-manager Gary O’Neil minkejja li qed isibuha diffiċli ħafna biex jiksbu riżultati pożittivi għalkemm l-attakk tagħ­hom qed isib ix-xibka b’mod konsistenti waqt li d-difiża qed issofri goals bir-radam speċjalment mis-set pieces.

Rebħa għal xi wieħed minnhom tkun tiswa mit­qlu deheb biex ma jin­qatgħux mit-timijiet ta’ fuqhom meta jinsabu ħa­mes punti wara Everton u Leicester u erbgħa wara Crystal Palace.

Il-logħba tal-lejla tara team mill-East Midlands, Nottingham Forest, jissielet ma’ ieħor mill-West Midlands, Aston Villa, meta jinsabu ras imb’ras b’25 punt kull wieħed, eżattament fil-ħames u fis-sitt postijiet rispettivament.

Iż-żewġ timijiet ġej­jen minn rebħiet stupendi, il-Forest minn dik 3-2 kontra Manchester Uni­ted f’Old Trafford u l-Villa bl-istess skor kontra l-Ġermaniżi, RB Leipzig, fil- UEFA Champions League. Għalhekk dan għandu jkun konfront li jaf imur kull naħa.

Għada se jintlagħbu erba’ logħbiet oħra fejn jibdew Brighton u Crystal Pa­lace f’logħba li tista’ tkun waħda bilanċjata meta mill-aħħar sitt logħ­biet, is- Seagulls rebħu tmien punti u l-Eagles sebgħa, biż-żewġ timijiet ġejjin minn draws simili ta’ 2-2, Brighton għand Leicester u l-Palace f’darhom kontra Manchester City.

Wara d-Derby ta’ Manchester se jintlagħbu żewġ logħbiet mhux fil-ħin tas-soltu meta Chelsea jilqgħu lil Brentford u Southampton lil Tottenham b’dawn tal-aħħar u l-Blues kienu mpenjati fil-kompetizzjonijiet Ewropej.

Chelsea għaddejjin taj­jeb tant li jinsabu fit-tieni post iżda mhux se tkun faċli għalihom kontra l-Bees, li jinsabu fid-disa’ post u  huma ‘l bogħod mir-relegazzjoni.

Il-logħba l-oħra tara lis-Saints jeħduha ma’ Spurs li niżlu fil-11-il post meta għandhom 20 punt, sebgħa inqas mit-team fir-raba’ post. Huma ġejjin minn telfa 4-3 fil-kampjonat u draw ta’ 1-1 fl-Europa League kontra l-Iskoċċiżi Rangers.

West Ham se jerġgħu jkunu fil-logħba tat-Tnejn filgħaxija, iżda din id-darba se jmorru fil-kosta tan-nofs in-nhar kontra Bournemouth li f’darhom kapaċi jagħtu logħba lil kulħadd.

Il-manager tal-Hammers, Julen Lopetegui, għad għandu t-theddida li jista’ jiġi mkeċċi.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport