Sunday, December 22, 2024

Premier League: L-attenzjoni f’Anfield bejn Liverpool u Arsenal

Aqra wkoll

It-18-il ġurnata tal-Premier League Ingliż hija mifruxa fuq erbat ijiem mill-Ħamis li għadda sa għada l-Ħadd, li hija logħba ‘l bogħod mit- tmiem tal-ewwel round li tintlagħab fost il-ġimgħa li ġejja.

Bla dubju, meta wieħed jara l-programm li jmiss hija l-logħba li fiha Liverpool se jilqgħu lil Arsenal f’Anfield l-lejla waqt li hija l-ikbar attrazzjoni meta ż-żewġ timi­jiet qed jokkupaw l-ewwel żewġ postijiet fil-klassifika

Il-Gunners jinsabu fil- quċċata punt biss fuq Liverpool. Għalhekk, il-partitarji qed jistennew li jaraw tattika ta’ klassi bejn Jurgen Klopp u Mikel Arteta. Liverpool qed jaslu għal din il-logħba wara d-draw 0-0 kontra Manchester United nhar il-Ħadd, filwaqt li fl-aħħar Arsenal jinsabu f’forma kbira.

Liverpool għandhom bosta problemi ta’ players imweġġa’ li qed jidħlu għal din il-logħba. Diogo Jota, Thiago Alcantara, Ryan Gravenberch, Andrew Robertson, Joel Matip, u Alexis Mac Allister huma kollha barra. 

B’hekk, Jurgen Klopp se jkollu uġigħ ta’ ras dieħel f’din il-logħba kruċjali dwar il-midfield tar-Reds wara l-injury fil-hamstring li Gra­venberch sofra kontra Manchester United.

Arsenal ukoll għandhom it-tħassib tagħhom dwar l-injuries bħal Thomas Partey, Takehiro Tomiyasu, Jorginho, Jurrien Timber u Fabio Viera li huma kollha barra minn din il-logħba. Madankollu, Mikel Arteta għandu formazzjoni stab­bilita li huwa mistenni li jagħżel qabel dan il-konfront.

Il-logħba taċ-champions Manchester City kontra Brentford ġiet posposta minħabba li l-bieraħ kienu nvoluti fil-finali tal-Club World Cup kontra Flumi­nense tal-Brażil.

It-team fit-tielet post Aston Villa se jkunu home kmieni wara nofs in-nhar kontra dak tal-qiegħ tal-klassifika, Sheffield United, li anke wara li ħatru lill-eks manager tagħhom stess, Chris Wilder, minflok Paul Heckingbottom, xorta ma ħadux ir-ruħ tant li flimkien ma’ Burnley baqgħu ankrati fl-aħħar post.

Min-naħa tagħhom il-Villa jinsabu punti daqs Liverpool u wieħed inqas minn Arsenal u jekk il-logħba bejn dawn it-tnejn tintemm fi draw u l-Villa jirbħu huma jitilgħu fil-quċċata għall-ewwel darba mill-istaġun 1998-99 li jiġu medda ta’ żmien ta’ 24 sena.

Il-Ħadd li għadda t-team ta’ Unai Emery kien involut f’logħba sħuna kontra Brentford li huma rebħu 2-1 bil-goal tar-rebħa jiġi mill-eks Bee, Ollie Watson.

West Ham, li ġejjin minn rebħa komda kontra Wolves fil-kampjonat u telfa umiljanti fil-League Cup kontra Liverpool, se jiffaċċjaw lil Manchester United li ġejjin mid-draw 0-0 għand Liverpool. Huma wżaw tattiċi ultra difensivi li xejn m’huma karatteristiċi mal-football In­gliż ħlief għal xi timijiet fin-naħa t’isfel tal-klassifika kontra oħrajn li jkunu lejn il-quċċata biex ma jsofrux telfiet umiljanti.

Ir-Red Devils jinsabu fis- seba’ post punt iktar mill- Hammers u għalhekk iridu joqogħdu attenti meta dawn tal-aħħar iridu jpattu għat- telfa kontra Liverpool.

Wara li kienu nvoluti f’żewġ rebħiet kbar ta’ ħames goals f’kull waħda, Fulham ingħataw lezzjoni minn Newcastle meta għelbuhom 3-0 is-Sibt li għadda.

Illum il-Cottagers se jku­nu f’darhom kontra Burnley li nistgħu ngħidu li l-istaġun tagħhom għadu ma bediex meta ħadu biss żewġ rebħiet u żewġ draws minn 17-il logħba.

Issa wieħed irid jara jekk Fulham jirritornawx għar- rebħ jew il-Clarets jiksbux it-tielet rebħa tal-istaġun, b’waħda mit-tnejn l-oħra tasal tliet logħbiet ilu.

It-team it-tielet mill-aħħar, Luton Town, se jkunu f’Kenilworth Road biex jilqgħu lil Newcastle li f’dawn l-aħħar ġimgħatejn sfaw eliminati miċ-Cham­pions League u mil-League Cup waqt li l-aħħar sitt logħbiet qasmuhom fi tliet reb­ħiet u tliet telfiet.

Min-naħa tal-Magpies huma naqqsu xi ftit mill-aspettattivi tagħhom meta minkejja li jinsabu fis-sitt post huma distakkati b’10 punti mil-leaders Arsenal u erbgħa mit-team fir-raba’ post, Manchester City.

Illum se jibda r-renju f’Sherwood Forest jew aħjar fis-City Ground tal-manager Portugiż, Nuno Espirito Santo, li proprju  din il-ġimgħa  ġie maħtur biex ikun dak ġdid ta’ Nottingham Forest wara li keċċew lil Steve Cooper mill-kariga meta t-team jinsab ħames punti biss fuq iż-żona l-ħamra.

Huma se jkunu f’darhom kontra Bournemouth li fl-aħħar logħbiet tagħhom għandhom rekord kuntrastuż magħhom meta ċ-Cherries kisbu erba’ rebħiet u draw u l-Forest kisbu draw u sofrew ħames telfiet.

Il-logħba l-oħra tal-lum tara lil Tottenham, li jinsabu fil-ħames post, u Everton li jinsabu fis-16-il post fejn anke hawnhekk ir-rekord tagħhom huwa kuntrastuż.

Spurs ġejjin minn żewġ rebħiet wara tliet telfiet u draw u t-Toffeemen minn ħames rebħiet u telfa.

Il-logħba li tagħlaq il-programm hija dik li se tintlagħab f’Molineux bejn Wolves u Chelsea b’dawn qed igawdu vantaġġ ta’ tliet punti fuq il-Pensioners.

Mill-aħħar sitt ħarġiet kull team rebaħ seba’ punti, għalhekk kollox jista’ jiġri.

Ekonomija

Sport