Friday, November 15, 2024

Premier League: L-attenzjoni fl-Etihad u f’St James Park

Aqra wkoll

Il-logħbiet tant mistennija bejn it-timijiet ta’ fuq qed jaslu spiss tant li fi tmiem il-ġimgħa li taħbat l-14-il ġurnata, hemm tnejn minnhom, waħda llum bejn Newcastle United u Manchester United u oħra għada bejn Manchester City u Tottenham Hotspur.

Dan il-programm ġej wara li fost il-ġimgħa t-timijiet Ingliżi baqgħu bla megħluba fl-Ewropa fejn kisbu sitt reb­ħiet u żewġ draws. 

Il-logħba tal-lum li tibda fid-9.00 pm se ssir f’St James Park meta ż-żewġ timijiet għadhom ġejjin minn impenji diffiċli fiċ-Champions League li t-tnejn imtemmu fi draw. 

Il-Magpies spiċċaw 1-1 għand Paris St-Germain meta sofrew goal minn pe­nalty ferm diskutibbli waqt li l-United spiċċaw 3-3 għand Galatasaray meta ma kinux kapaċi jżommu vantaġġ ta’ żewġ goals darbtejn, 2-0 u 3-1.

Wara bidu ferm ħażin il-United jinsabu fis-sitt post punt qabel Newcastle meta ġejjin minn ħames rebħiet u telfa waqt li t-Toon ġejjin minn rebħa biss minn sitt logħbiet.

Imbagħad fl-aħħar logħba ta’ għada, iċ-champions Man­­chester City se jiltaqgħu ma’ Spurs meta qed igawdu tliet punti iktar minnhom b’tal- ewwel ġejjin minn rebħa ta’ 3-2 fiċ-Champions League kontra RB Leipzig wara li dawn kienu marru 2-0 minn fuq. Tottenham se jkun ingħajr Cristian Romero li jinsab sospiż.

Il-leaders Arsenal se jospitaw lil Wolves fl-Emirates Stadium, friski mir-rebħa 6-0 kontra RC Lens ta’ Franza fiċ-Champions League.

Għal­hekk minbarra li jin­sabu fil-quċċata din ir-reb­ħa tkompli tgħollilhom il-moral.

Wolves se jkunu mingħajr iż-żewġ midfielders, Mario Lemina u Joao Gomes li se jkunu qed jiskontaw logħba sospensjoni wara karta safra kull wieħed kontra Fulham bil-Gunners ikollhom lil Fabio Vieira nieqes għall-is­tess raġuni.

It-team fit-tielet post żewġ punti wara l-leaders, Liverpool, se jkunu f’Anfield biex jiltaqgħu kontra Fulham li ġejjin mir-rebħa kontrover­sjali kontra Wolves li huma rebħu 3-2.

It-team ta’ Jurgen Klopp qed ikun tajjeb ħafna f’daru tant li rebħa kontra l-Cottagers hija iktar iva milli le.

Huma għadhom ġejjin mir-rebħa 4-0 kontra l-Awstrjaċi LASK biex għaddew għall-Aħħar 32 tal-Europa League.

Brentford se jkunu f’darhom kontra Luton Town meta jinsabu f’nofs il-klassifika waqt li l-Hatters jinsabu erba’ punti fuq iż-żona l- ħamra b’żewġ rebħiet u tliet draws.

Logħba kollha kemm hi miż-żona tar-relegazzjoni ta­ra lil Burnley jilqgħu lil Sheffield United li s’issa kisbu rebħa kull wieħed minn 13-il ħarġa bit-total tal-punti tagħhom ikun wieħed mi­żeru, il-Clarets ħames punti u l-Blades erbgħa.

Kwalunkwe riżultat mhux se jara lil xi ħadd minnhom jinqala’ mill-aħħar tlieta għal­kemm rebħa  b’xi mod jew ieħor għandha tiswihom ħafna meta issa għandhom lil Everton fl-istess ilma tagħhom għalkemm dawn għandhom jappellaw il-kas­tiġ tat-tnaqqis ta’ 10 punti.

Everton, li ġejjin minn telfa ta’ 3-0 f’darhom kontra Manchester United, se jmorru għand Nottm Forest li għandhom 15-il punt, disgħa iktar minnhom b’dawn kisbu rebħa biss mill-aħħar sitt logħbiet u t-Toffeemen tliet rebħiet u draw għalkemm bħalissa l-moral tagħhom huwa baxx minħabba l-pena­litá.

Aston Villa, li qed ikol­lhom wieħed mill-aqwa staġuni għal ħafna snin taħt il-manager Spanjol, Unai Emery, se jżuru l-Vitality  Stadium biex jiltaqgħu ma’ Bournemouth.

Il-Villa qed jokkupaw ir-raba’ post, żewġ punti wara l-leaders, xi ħaġa li ilhom ma jkunu fiha, waqt li ċ-Cherries jinsabu l-ħames mill-aħħar iżda xi ftit trakwilli meta għandhom seba’ punti iktar minn Sheffield. Nieqes għall-Villa se jkun Boubacar Kamara li jinsab sospiż.

Logħba bejn żewġ timijiet li mhumiex għaddejjin minn żmien feliċi hija dik fi Stamford Bridge bejn Chelsea u Brighton b’dawn qed igawdu vantaġġ ta’ sitt punti fuq il-Blues. Iżda l-forma taż-żewġ timijiet xejn m’hija tajba meta Chelsea ħadu żewġ rebħiet u żewġ draws u sofrew telfa mill-aħħar sitt ħarġiet waqt li s-Seagulls kisbu rebħa u erba’ draws minn sitt logħbiet ukoll.

Kull team se jkollu żewġ players sospiżi, Marc Cucu­rella u Reece James għal Chel­sea u Lewis Dunk u Mah­moud Dahoud għal Brighton.

Il-logħba l-oħra hija d- derby ta’ Londra bejn West Ham u Crystal Palace li għandha tkun interessati bil-Hammers ta’ David Mo­yes qed igawdu vantaġġ ta’ ħames punti fuq l-Eagles ta’ Roy Hodgson.

Rebħa għal West Ham tarahom jersqu iktar lejn ta’ fuq  waqt li jekk jirbħu l- Palace huma jitilgħu f’qagħda li għandha sserħilhom rashom minn kull inkwiet minkejja li nofs l-istaġun għadu ma ntlaħaqx.

Ekonomija

Sport