Saturday, May 3, 2025

Premier League: L-attenzjoni tinxteħet fuq il-postijiet taċ-Champions League

Aqra wkoll

B’Liverpool jissiġillaw ir-rebħ tal-20 kampjonat fl-istorja tagħhom biex laħqu lil Manchester United b’dan it-total, u t-tliet ti­mijiet li sfaw relegati huma magħrufa wkoll, l-attenzjoni li fadal hija min se jimla t-tliet postijet li fadal fiċ-Champions League b’Liverpool u Arsenal diġá serrħu rashom mill-ewwel tnejn.

Il-ħames timijiet li minn­hom tlieta se jiksbu post fiċ-Champions League huma Newcastle United (62), Manchester City (61), Chelsea (60), Nottingham Forest (60) u Aston Villa (57), li ħa­mes punti biss qed jifirduhom minn xulxin kif jidher mill-punti li rebħu s’issa fil-parentesi.

Newcastle se jmorru għand Brighton li dan l- aħħar mhumiex għaddejin mill-forma li kienet sinomina magħhom tant li mill-aħħar sitt logħbiet kisbu reb­ħa u żewġ draws u sofrew tliet telfiet waqt li kuntrarju għalihom il-Magpies rebħu ħamsa u tilfu logħba biss.

Huma għandhom lura lill- manager Eddie Howe li reġa’ jinsab viċin it-team tiegħu wara li ddaħħal l-isptar bil- pnewmonja.

Iċ-champions Manchester City kienu fl-azzjoni lbie­raħ filgħaxija kontra Wolves fl-Etihad Stadium f’logħba li fuq il-karta kienet tidher diffiċli meta l-avversarji tagħhom kienu ġejjin minn sitt rebħiet konsekuttivi. Xejn inqas minn rebħa ma kienet tajba għat-team ta’ Pep Guardiola.

Għada Chelsea se jkunu fi Stamford Bridge biex jilqgħu liċ-champions il-ġodda Li­verpool f’logħba li hija delikata għalihom meta r-Reds ma jridux jitilfu fl-ewwel logħba wara li rebħu t-titlu.

Chelsea, li jinsabu fil-ħa­mes post, għaddejjin minn sensiela pożittiva meta mill-aħħar sitt ħarġiet ħadu 11-il punt minn tliet rebħiet u żewġ draws. Iżda Liverpool marru aħjar meta rebħu ħames logħbiet u tilfu waħda biss li kienet kontra Fulham bl-iskor ta’ 3-2 fi Craven Cottage.

F’dawn l-erbat ijiem Nottingham Forest se jkunu fl-azzjoni darbtejn meta wara li lbieraħ tilfu ma’ Brentford 2-0 fis-City Ground, nhar it-Tnejn imorru f’Selhurst Park biex jiltaqgħu kontra l-finalisti tal-FA Cup, Crystal Palace, bil-players tagħhom iktar ikun moħħhom fit-tazza meta s’issa qatt ma rebħuha u fil-finali se tkun ordni għolja għalihom meta l-avversarji m’huma ħadd ħlief Manchester City li sa dak in-nhar probabbli li jkollhom lura liż-żewġ stilel, Erling Haaland u Rodri, li bdew it-taħriġ wara assenza twila, l-aktar tal-aħħar li ilu barra minn Settembru.

L-aħħar team b’ċans realis­tiku li jagħmilha fl-ewwel ħamsa huwa dak ta’ Aston Villa li f’darhom se jilqgħu lil Fulham, team li ma tafx biex se joħroġ fil-ġurnata, jekk hux wirja stupenda jew waħda deludenti.

F’dawn l-aħħar ġimgħat il-Villa sfaw eliminati fi        stadji avvanzati miċ-Cham­pions League u mill-FA Cup kontra Paris St-Germain fil- kwarti-finali u kontra Cry­stal Palace fis-semi-finali rispettivament.

Iżda fil-kampjonat it-team ta’ Unai Emery ġej minn telfa waħda wara li rebaħ ħames logħbiet wara xulxin.

Everton, b’rashom mistrieħa mir-relegazzjoni bosta ġimgħat ilu, se jkunu f’Goodison Park kontra Ipswich Town li huma diġá relegati biex b’hekk għaqqdu t-trio ta’ timijiet li telgħu flimkien sena qabel u issa anke rritornaw lura fiċ-Championship flimkien.

Iż-żewġ timijiet l-oħra re­legati, Leicester City u Southampton, se jiltaqgħu fil-King Power Stadium bil- Foxes ilhom ma jirbħu 11-il logħba u s-Saints kienu ilhom staġnati b’10 punti għal bosta logħ­biet. B’hekk huma ħelsu li jirtu r-rekord ta’ Derby County li jiġu relegati bl-inqas total ta’ punti – 10.

Arsenal għandhom logħba xi ftit jew wisq diffiċli minkejja li se jkunu fl-Emi­rates kontra Bournemouth. Dan minħabba li nhar l-Erb­għa għandhom it-tieni leg tas-semi-finali taċ-Champions League kontra Paris St-Germain f’Pariġi li dawn se jibdew 1-0 minn fuq.

Brentford, li nhar il-Ħa­mis rebħu kontra l-Forest, għada se jkunu f’darhom kontra Manchester United, li ġeneralment jagħtuhom logħba diffiċli meta din id-darba r-Red Devils ġejjin minn rebħa ta’ 3-0 fl-ewwel leg tas-semi-finali tal-Europa League kontra Athletic Bilbao meta iktar se jkunu moħħhom f’din it-tazza għax tista’ taqtagħ­lhom passaġġ għaċ-Champions League.

Il-Ħadd jintlagħab id-Derby ta’ Londra bejn West Ham u Tottenham li jinsabu fis-16 u fis-17-il postijiet rispettivament bi Spurs qed igawdu punt iktar mill-Hammers.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport