Sunday, October 27, 2024

Premier League: Logħbiet delikati għal Man City u Liverpool

Aqra wkoll

Iż-żewġ timijiet li qed jissieltu għar-rebħ tal-Premier League, Manchester City u Liverpool, illum se jku­nu nvoluti f’logħbiet mhux daqstant faċli meta se jkunu t-tnejn barra minn darhom, is-City għand Leeds United u Liverpool għand Newcastle.

Newcastle v Liverpool– Din hija logħba delikata għas-semi-finalisti taċ-Champions League li tlett ijiem ilu kisbu vantaġġ ta’ żewġ goals fl-ewwel leg tas-semi-finali tal-kompetizzjoni vetrina tal-Ewropa.

Iżda l-avversarji ta’ Liverpool huma Newcastle, li bħalissa għaddejjin minn forma straordinarja tant li wara li kienu damu 12-il logħba biex kisbu l-ewwel rebħa, issa qed jirbħu l-punti b’għajnejhom magħluqa tant li telgħu jokkupaw id-disa’ post fil-klassifika.

Mill-aħħar ħames logħ­biet Liverpool ħadu draw u erba’ rebħiet waqt li l-Magpies rebħu l-aħħar erbgħa meta t-team ma jintgħarafx minn dak ta’ ftit xhur ilu.

Leeds U. v Man C. – Iċ- champions fallew erba’ punti minn żewġ draws mill-aħħar ħames ħarġiet u llum jridu joqogħdu attenti minn Leeds li f’darhom huma prepożiz­zjoni oħra speċjalment bil- qagħda prekarja li jinsabu fiha.

Anke s-City ġejjin minn rebħa kruċjali kontra Real Madrid fit-Tazza taċ-Champions wara li għelbuhom 4-3 fl-ewwel leg tas-semi-finali.

Il-logħbiet għas-City ġej­jin waħda f’waħda, iżda hu­ma għandhom skwadra kbira biżżejjed biex tkopri l-bżonnijiet tat-team meta dawk li jkunu fuq il-bankina huma kollha denji li jieħdu posthom fit-team.

Everton v Chelsea – Din hija logħba li iktar tinteressa lil Everton meta jinsabu ggranfati biex isalvaw post­hom fil-Premier League. Min-naħa ta’ Chelsea post­hom fiċ-Champions League ma jidhirx mhedded għax jekk jintlaħqu minn Arsenal hu­ma għandhom vantaġġ ta’ tmien punti fuq Tottenham meta kollha fadlilhom ħa­mes logħbiet għat-tmiem.

It-Toffeemen xejn m’huma għaddejjin minn żmien feliċi tant li mill-aħħar ħames logħbiet rebħu waħda u ġew draw oħra waqt li tilfu t-tlie­ta l-oħra. 

Tottenham v Leicester C. – Tottenham jinsabu f’taq­tiegħa, l-iktar mal-ġirien Arsenal, għar-raba’ post fiċ- Champions League. Illum huma se jilqgħu lil Leicester City li ġejjin minn draw kontra Roma fil-Conference League. Huma ma tantx kel­lhom riżultati sodisfaċenti fl-aħħar ħarġiet tant li ħadu rebħa u telfa u tliet draws.

Min-naħa ta’ Spurs huma kisbu tliet rebħiet, draw u telfa, meta forsi qed jiġu effettwati mill-inċertezza tal- manager Antonio Conte li l-clubs li jkun magħhom ma jafux fejn huma miegħu.

West Ham v Arsenal– Din hija derby ta’ Londra bil-Gunners jinsabu tmien punti aħjar mill-Hammers b’dawn lagħbu logħba iktar minnhom.

West Ham għadhom qed jikkompetu fl-Europa Lea­gue u dan forsi qed jeffettwahom biex iżommu l-pass fil-kampjonat.

Rebħa għal wieħed minnhom tiswa mitqlu deheb biex jispiċċaw f’post għoli fil-kampjonat.

Arsenal rebħu l-aħħar żewġ logħbiet wara tliet tel­fiet waqt li West Ham tilfu tlieta wkoll bl-oħrajn ikunu rebħa u draw.

Man U. v Brentford – Minbarra li se jtemmu l-istaġun mingħajr unuri, il-United jistgħu anke jfallu post fiċ-Champions League u min­flok ikollhom jikkuntentaw li jkunu fl-Europa Lea­gue jew fil-Conference Lea­gue.

Huma se jerġgħu jkunu f’darhom meta jilqgħu lil Brentford li min-naħa tagħ­hom nistgħu ngħidu li kważi salvaw posthom mal-kbar wara li ġew promossi fl-ogħla diviżjoni sena ilu wara assenza ta’ 74 sena.

Fid-draw kontra Chelsea tal-Ħamis kien Cristiano Ronaldo li kiseb id-draw għall-United u issa rridu naraw jekk fl-istaġun li ġej iżommuhx jew le.

Aston Villa v Norwich – Wara bidu tajjeb taħt il-ma­nager Steven Gerrard, Aston Villa xejn m’huma għaddejjin minn żmien feliċi me­ta filli dehru li setgħu jkunu fl-ewwel nofs tal-klassifika u issa qed jokkupaw il-15-il post tmien punti bogħod miż-żona l- ħamra.

Mill-aħħar ħames logħ­biet ħadd minnhom ma rebaħ logħba b’Norwich jid­hru favoriti li jirritornaw fiċ-Championship. 

Southampton v C. Palace – Din hija logħba bejn żewġ timijiet f’nofs il-klassifika trankwilli minn kull inkwiet li jistgħu jiġu relegati. L- aħħar ħames logħbiet rawhom jiksbu l-istess riżultati ta’ reb­ħa, żewġ draws u żewġ telfiet iżda mhux fl-istess sek­wen­za.

Watford v Burnley – Logħ­ba li tappartjeni r-re­legaz­zjoni tara lil Watford iddisprati għall-punti meta jinsabu distakkati b’disa’ punti minn Burnley li jinsabu r-raba’ mill-aħħar.

Rebħa għall-Clarets tara lill-Hornets jiġu virtwalment relegati meta anke għandhom differenza tal-goals ferm inferjuri minnhom.

Wolves v Brighton – Wara żewġ telfiet kontra Newcastle u Burnley li huma tilfu b’goal uniku minn penalties, Wolves iridu jqumu għall- okkażjoni biex almenu jippruvaw jispiċċaw fit-tmien post li huwa titjib mill-ista­ġun li għadda meta spiċċaw it-13.

Min-naħa tagħhom Brigh­ton m’għandhomx għalxiex jilagħbu meta issa ilhom li ssiġillaw posthom mal-kbar għal staġun ieħor.

Sport