Floriana ………..3
Melita …………..3
F’partita mill-isbaħ li pproduċiet xejn inqas minn sitt goals, Melita kisbu draw drammatiku ta’ 3-3 kontra Floriana b’dawn tal-aħħar jiddiżappuntaw hekk kif kien mistenni aktar minnhom.
Fit-tmien minuta Melita fetħu l-iskor meta wara li rċieva minn corner ta’ Alan Borg Olivier mix-xellug, ALDAIR SIMANCA PENA permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.
Iżda, seba’ minuti wara, Floriana wettqu reazzjoni tajba u tilfu ċans kbir li jġibu l-iskor indaqs meta Mattia Veselji mill-viċin tefa’ barra.
Fit-22 minuta, Floriana kellhom goal imħassar meta Fernandinho indirizza cross mix-xellug li sab lil Jake Grech li tefa’ fix-xibka iżda kien hemm senjalazzjoni ta’ offside.
Melita wieġbu fis-36 minuta permezz ta’ free-kick ta’ Alan Borg Olivier li ġie mdawwar f’corner mill-goalkeeper ta’ Floriana, Christoffer Mafoumbi.
U mill-corner li rriżulta mogħti minn Borg Olivier, ANDRE CARLOS PENHA DA COSTA b’daqqa ta’ ras stupenda rdoppja għal Melita li rritornaw l-ogħla diviżjoni wara 12-il sena.
Madankollu, fl-40 minuta, Floriana reġgħu daħlu fil-partita meta Thiaguinho Santos ipprovda l-assist mil-lemin lejn CARLO ZAMMIT LONARDELLI li għeleb lill-goalkeeper ta’ Melita Gosef Mizzi permezz ta’ xutt sabiħ minn barra l-kaxxa.
Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, il-Greens reġgħu ħolqu l-periklu meta Grech għadda tajjeb lejn Thiaguinho fuq il-lemin li minn qagħda ideali venven xutt iżda Mizzi dawwar f’corner.
Fl-64 minuta, Floriana kisbu d-draw meta Thiaguinho għadda tajjeb lejn Dunstan Vella b’dan jipprovdi assist perfett lil KYRIAN NWOKO li mill-viċin tefa’ ġewwa.
U fis-70 minuta huma marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ meta MATTIA VESELJI rebaħ il-ballun minn clerance ta’ Mafoumbi, avvanza fil-kaxxa qabel b’eleganza tefa’ l-ballun fix- xibka.
Iżda fl-94 minuta, Melita ġabu l-iskor indaqs b’mod drammatiku meta Ben Cassar żmarka lil JEAN PIERRE ATTARD fil-kaxxa, bil-captain ta’ Melita jitfa’ l-ballun wara Mafoumbi.
FLORIANA: 45-Christoffer Mafoumbi, 4-Oualid El Hasni, 7-Mattia Veselji (17-Owen Spiteri 89), 8-Jake Grech, 11-Thiaguinho, 12-Dunstan Vella, 20-Matias Nicolas Garcia, 21-Carlo Zammit Lonardelli (77-Aleandro Garzia 46), 22-Kyrian Nwoko (90-Anthony Obonogwu 82), 55-Alexandros Kouro, 70-Fernando Augusto Rodrigues De Araujo – Coach: Darren Abdilla
MELITA: 1-Gosef Mizzi, 3-Aldair Pena Simanca (27-Gareth Barone 71), 6-Jean Pierre Attard, 7-Karl Mohnani, 9-Andre Carlos Penha Da Costa (23-Paul Calleja Testaferrata 79), 10-Matthew Debattista (21-Nick Cutajar 60), 11-Alan Borg Olivier, 13-Marc Van De Font Bovenkamp, 19-Jesus Andreas Yepez Moriets (15-Jose David Romero 46), 26-Kurt Bondin (20-Benjamin Cassar 79), 29-Henrique Marcelino Motta – Coach: Clive Mizzi
REFEREE: Ezekiel Barbara
ASS. REFEREES: Duncan Sultana, Vasil Vasilev
RABA’ UFF: Fyodor Zammit
SKORERS: A. Simanca Pena 8, A. C. Penha Da Costa 36, J. P. Attard 93 (M), C. Zammit Lonardelli 40, K. Nwoko 64, M. Veselji 70 (F)
AMMONITI: C. Zammit Lonardelli (F), M. Van De Font Bovenkamp (M)