Saturday, December 21, 2024

Premier League: Newcastle jilqgħu lil Arsenal

Aqra wkoll

Il-logħba l-kbira tal-11-il programm ta’ dan l-is­taġun tal-Premier League Ingliż hija dik li se tintlagħab il-lejla li fiha Newcastle United se jospitaw lil Arsenal f’St Jamea Park fis-6.30 pm.

Iż-żewġ timijiet jinsabu mifrudin b’erba’ postijiet bil-Gunners fit-tieni post u l-Magpies fis-seba’ post bid-distakk tal-punti jkun ta’ sebgħa.

Fl-aħħar ħarġa fil-kampjonat Arsenal ġejjin minn rebħa kbira ta’ 5-0 fuq it-team tal-qiegħ, Sheffield United, waqt li Newcastle kienu nvoluti fi draw kontroversjali ta’ 2-2 kontra Wolves f’Molineux  meta ngħa­taw penalty ferm diskutibbli.

Imbagħad fost il-ġimgħa ż-żewġ timijiet kellhom fortuni kuntrastużi fil-League Cup fejn Arsenal sfaw eliminati 3-1 minn West Ham u Newcastle għelbu għal kollox lil Manchester United 3-0 f’Old Trafford.

Il-leaders Tottenham, li se jagħlqu l-programm nhar it-Tnejn, sa dak in-nhar jistgħu jiġu maqlugħa minn posthom minn Arsenal jew Manchester City  mit-tnejn li huma.

Spurs se jkunu f’darhom biex jilqgħu lil Chelsea f’derby ta’ Londra li l-fortuni tagħhom dan l-istaġun huma ferm differenti minn xulxin.

It-team ta’ Ange Postacog­lu għadu ma ġiex megħlub flimkien ma’ Arsenal u meta rebħu tmienja mill-10 logħbiet tagħhom dan huwa ċar li t-team jinsab fil-forma.

Min-naħa tagħhom il-Blues jinsabu fil-11-il post 12-il punt inqas minnhom meta fl-aħħar sitt ħarġiet ħadu żewġ rebħiet, żewġ draws u tilfu t-tnejn l-oħra.

Iċ-champions Manchester City ġejjin minn rebħa deċiżiva ta’ 3-0 kontra Manchester United li fiha kienu totalment kmandi fejn għalihom Erling Haaland reġa’ jinsab fost il-goals meta skor­ja doppjetta bl-ieħor jiġi minn Phil Foden.

Is-City se jilqgħu lil Bournemouth f’logħba li huma favorit netti li jirbħu t-tliet punti fejn minkejja li tilfu mutur f’nofs il-ground fil-persuna ta’ Ilkay Gundogan, xorta qed ikunu superjuri f’ħafna mil-logħbiet tagħhom.

Manchester United se jkunu fl-azzjoni fil-logħba ta’ kmieni wara nofs in-nhar tal-lum meta jkunu fi Craven Cottage kontra Fulham, li wara d-draw tas-Sibt kontra Brighton huma qatgħu l-passaġġ għall-kwarti-finali tal-League Cup meta għelbu lil Ipswich Town 3-1 barra minn darhom.

Il-United xejn m’huma għaddejjin minn żmien feliċi tant li l-manager Erik ten Hag anke qed jissemma’ li jista’ jitlef postu għalkemm it-tkeċċija tiegħu tiġi tiswihom għali wisq – madwar 15-il miljun minbarra dak li jagħtu lil min jidħol floku.

Team ieħor min-naħa ta’ fuq tal-klassifika, Liverpool, se jkunu fl-azzjoni għada meta fil-ħin tat-te’ ikunu għand Luton Town li wara 32 sena neqsin mill-ogħla livell qed isibuha diffiċli biex jirbħu l-punti.

U meta m’għandhomx risposta għal Mo Salah, Darwin Nunez, Diogo Jota, Cody Gakpo u Luis Diaz (li llum se jibqa’ barra meta jinsab f’pajjiżu l-Kolumbja wara l-ħtif ta’ missieru u ommu), huma se jsibuha diffiċli biex jegħlbu lir-Reds.

Brentford u West Ham se jkunu nvoluti f’derby ta’ Londra meta dawn tal-aħħar qed igawdu punt vantaġġ fuq il-Bees għalkemm dan l-aħħar marru ħażin tant li ġejjin minn draw u żewġ telfiet bil-Bees jirranġaw xi ftit b’żewġ rebħiet wara draw u tliet telfiet.

Burnley se jilqgħu lil Crystal Palace f’Turf Moor meta dawn tal-aħħar jinsabu tmien punti aħjar minnhom b’Everton se jkunu home wkoll meta l-viżitaturi se jkunu Brighton li fl-aħħar erba’ logħbiet ħadu skoss lura b’żewġ draws biss, kuntrarju għat-Toffeemen li minn sitt logħbiet kisbu tliet rebħiet.

It-team tal-qiegħ, Sheffield United, li għadhom jippruvaw għall-ewwel rebħa, se jilqgħu lil Wolves li fl-aħħar logħbiet għamlu titjib konsiderevoli għalkemm fl-aħħar logħba weġġagħlhom il-winger fil-forma, Pedro Neto, meta ħass uġiegħ fil-hamstring kontra Newcastle.

Il-logħba l-oħra ta’ għada tara lil Nottm Forest jospitaw lit-team fil-forma, Aston Villa, li qed ikollhom staġun mill-aqwa taħt il-gwida tal-coach Spanjol, Unai Emery.

Il-Villa jinsabu fil-ħames post bi 22 punt waqt li l-Fo­rest, li jinsabu l-ħames mill-aħħar, għandhom 10 punti.

Ekonomija

Sport