Friday, December 27, 2024

Premier League: Newcastle Utd v Liverpool l-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa

Aqra wkoll

It-tliet timijiet li s’issa kisbu punti massimi, Brigh­ton, Manchester City u Arsenal, għandhom logħbiet imħallta meta fi tmiem din il-ġimgħa jintlagħab it-tielet programm tal-Premier League Ingliż.

Fin-naħa t’isfel tal-klassifika nsibu seba’ timijiet li għadhom ma kisbu l-ebda punt u għalhekk irridu naraw min se jibqa’ jissielet biex jinqala’ mill-pożizzjoni li jinsab fiha.

Iżda l-logħba l-kbira hija dik li se tintlagħab għada f’St James Park li fiha Newcastle jospitaw lil Liverpool u biha jintemm dan il-programm. 

Iż-żewġ timijiet jinsabu mifrudin b’punt wie­ħed wara li l-Merseysiders ħadu rebħa u draw u l-Magpies bdew b’rebħa u telfa.

Intant huma tilfu din il-logħba kontra Manchester City b’goal uniku ta’ Julian Alvarez fl-Etihad Stadium għalkemm jistgħu jgħidu li żammew lil Erling Haaland milli jsib ix-xibka.

Brighton se jkunu fl-AMEX Stadium meta l-avversarji tagħhom huma West Ham li bdew bi draw ta’ 1-1 kontra Bournemouth u rebħa 3-1 kontra Chelsea, li żgur mhuwiex bidu negattiv speċjalment meta warrbu b’mod emfatiku l-isfida tal-Blues.

Min-naħa tat-team ta’ Roberto de Zerbi, huma ġejjin minn żewġ rebħiet kbar, 4-0 kontra Luton u 4-1 kontra Wolves b’dawn tal-aħħar kienu ġejjin minn telfa minima ta’ 1-0 kontra Manchester United iżda b’wirja mpekkabbli kixfu id-difetti ta’ nofs il-ground tar-Red Devils.

Iċ-champions u rebbieħa tat-Treble u anke tal-UEFA Super Cup, Manchester City, huma l-uniku team li għadu ma sofra l-ebda goal u għaldaqstant għandhom dipartiment importanti li qed jaqdi dmiru b’mod stupend.

Għal din il-logħba huma se jkunu mingħajr il-ma-nager Pep Guardiola li jinsab f’pajjiżu, Spanja, fejn saritlu operazzjoni f’dahru li kienet suċċess.

Arsenal, li wkoll ġejjin minn żewġ rebħiet kontra timijiet ta’ inqas saħħa minnhom, jidhru li ma naqqsu xejn mis-saħħa li wrew fl-istaġun li għadda għalkemm jidhru li ssaħ­ħew bl-akkwisti ta’ Declan Rice u Kai Havertz.

L-avversarji tagħhom, Fulham, li wara li rritornaw mal-kbar fl-istaġun li għadda kisbu l-10 post fil-klassifika finali u dan juri li jinsabu taħt idejn taj­bin fil-manager Portugiż, Marco Silva, għalkemm jistgħu jitilfu lill-attakkant Serb, Aleksandar Mitrovic, li huwa determinat li jmur jilgħab fl-Arabja Sawdija.

Bournemouth se jiltaq­għu kontra Tottenham fil- Vitality Stadium meta s’issa kisbu punt biss, kuntrarju għal Spurs li bdew b’rebħa u telfa. 

It-tluq ta’ Harry Kane ma’ Bayern Munich għad irridu naraw kemm se jkun ta’ detriment għat-team ta’ Ante Postacoglu.

Iċ-Cherries ġejjin  minn telfa 3-1 kontra Liverpool f’Anfield wara li kienu huma li marru fil-vantaġġ kmieni. Iżda l-qawwa tal-avversarji tagħhom kienet wisq għalihom matul id-90 minuta.

Punt qed jifred lil Brentford u Crystal Palace minn xulxin fejn tal-ewwel għand­hom erba’ punti u l-Eagles għandhom tlie­ta x’juru. 

Il-Palace jidhru li żammew ir-ritmu tal-istaġun l-ieħor u anke lill-mana­ger veteran Roy Hodgson li wara li reġgħu ngaġġawh magħhom huma komplew bis-servizzi tiegħu f’din il-kampanja wkoll.

L-aħħar żewġ timijiet fil-klassifika, Wolves u Everton, se jiltaqgħu f’Goodison Park meta bejniethom skorjaw goal wieħed li ġie minn Wolves waqt li sofrew ħames goals kull naħa.

Veru għadu kmieni fl-istaġun iżda ħafna drabi min jinqabad hemm isfel isibha diffiċli biex jirkupra.

Manchester United se jkunu f’Old Trafford biex jilqgħu lil Nottingham Fo­rest li bdew t’telfa 2-1 kontra Arsenal u rebħu bl-istess skor kontra Sheffield Uni­ted.

Il-United kisbu rebħa kontra Wolves u wara tilfu għand Tottenham u għalhekk iridu jaraw x’jagħ­mlu biex iżommu l-pass ma’ ta’ fuq. Intant il-manager tagħhom, Erik ten Hag, għadu jfittex players addat­tati biex isaħħaħ l-iskwadra speċjalment f’nofs il-ground u fl-attakk.

Logħba bejn żewġ timi­jiet li jilbsu l-istess kulur xejn rari fl-Ingilterra hija dik f’Turf Moor bejn Burnley u Aston Villa fejn tal-ewwel sfaw megħluba 3-0 minn Manchester City waqt li l-Villa bdew b’telfa umiljanti ta’ 5-1 kontra Newcastle u wara għelbu lil Everton 4-0 f’darhom.

Barra minn hekk huma bdew il-kampanja tagħhom fil-UEFA Conference League b’reb­ħa stupenda ta’ 5-0 kontra Hibernian fl-Iskozja.

Ekonomija

Sport