Fl-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa, fil-Premier League Ingliż, Manchester City u Liverpool temmew fi draw ta’ 1-1, bi Trent Alexander-Arnold, isalva punt importanti għar-Reds.
Man City v Liverpool – Fil-konfront l-aktar mistenni, Manchester City u Liverpool ħadu punt kull wieħed minkejja li ma kienux fl- aqwa tagħhom.
Kien Erling Haaland (27) li fetaħ l-iskor għas-Citizens biex kiser ir-rekord ta’ Andy Cole (65 partita) ta’ Manchester United li skorja l-ewwel 50 goals tiegħu fi 48 partita fil-Premier League.
Iżda Alexander-Arnold (80) kiseb id-draw għat-team immexxi mill-manager, Jurgen Klopp.
Burnley v West Ham – West Ham marru għand Burnley u dawru telfa f’rebħa bl-iskor ta’ 2-1, permezz ta’ Divin Mubama (86) u Tomas Soucek (92) wara li Jay Rodriguez (49 pen) fetaħ l-iskor għal Burnley.
Luton v C. Palace – Luton irreġistraw it-tieni rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Crystal Palace bl-iskor ta’ 2-1, b’goals minn Teden Mengi (72) u Jacob Brown (84) filwaqt li Michael Olise (72) kiseb id-draw momentarju għall-Palace.
Newcastle v Chelsea – Newcastle United umiljaw lil Chelsea bl-iskor ta’ 4-1, bil-iskorers ikunu Alexander Isak (13), Jamaal Lascelles (60), Joelinton (61) u Anthony Gordon (83) filwaqt li Raheem Sterling (23) wieġeb għal Chelsea li kellhom lil Reece James (73) imkeċċi.
Nottm F. v Brighton – Barra minn darhom, Brighton għelbu lil Nottingham Forest bl-iskor ta’ 3-2.
Il-goals tagħhom waslu minn Evan Ferguson (26) u doppjetta minn Joao Pedro (45, 68) filwaqt li Anthony Elanga (3) u Morgan Gibbs-White (76 pen) skorjaw għall-Forest.
Peró din ir-rebħa tas- Seagulls ġiet imtappna bit- tkeċċija ta’ Lewis Dunk (73).
Sheffield U. v Bournemouth– Bournemouth inqalgħu miż-żona l-ħamra b’rebħa importanti ta’ 3-1 għand Sheffield United li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar.
Marcus Tavernier (12, 45) u Justin Kluivert (50) kienu l-protagonisti ta’ din ir-rebħa filwaqt li Oliver McBurnie (95) skorja l-uniku goal tal-Blades.
Brentford v Arsenal – Arsenal telgħu fl-ewwel post tal-klassifika meta barra minn darhom għelbu lil Brentford bl-iskor ta’ 1-0 liema goal wasal fl-aħħar żewġ minuti meta Kai Havertz ikkonkluda bir-ras mill-cross ta’ Bukayo Saka.
Il-Gunners iddominaw għal ħinijiet twal u kien jimmeritahom din ir-rebħa.