Fl-aqwa partita tal-ġimgħa tal-Premier League Ingliż, Chelsea u Liverpool temmew fi draw ġust, li iżda, il-partita setgħet marret kull naħa.
Chelsea v Liverpool– Chelsea ospitaw lil Liverpool u spiċċaw fi draw ta’ 1-1, f’logħba li kienet milgħuba fi spirtu sportiv minkejja r-rivalitá ta’ bejniethom li nibtet matul dawn l-aħħar snin.
Kien Luis Diaz (18) li fetaħ l-iskor meta tefa’ ġewwa minn through ball ta’ Mohamed Salah li wkoll laqat il-mimduda.
Iżda l-Pensioners kisbu d-draw minn Axel Disasi (37) wara azzjoni ta’ corner.
Iż-żewġ timijiet kellhom goal ġustament imħassar għal offside … Salah għal Liverpool u Ben Chilwell għal Chelsea.
Brentford v Tottenham – Tottenham marru għand Brentford u temmew fi draw ta’ 2-2.
Fil-veritá huma ħassew in-nuqqas tal-attakkant, Harry Kane, li proprju l-Ġimgħa filgħaxija ngħaqad ma’ Bayern Munich.
Peró kienu huma li fetħu l-iskor minn daqqa ta’ ras ta’ Christian Romero (11) li wara ftit inbidel minħabba li sofra injury ħafifa f’rasu meta għola għall-ballun ma’ Ethan Pinnock.
Madankollu, Brentford dawru r-riżultat għal 2-1 meta ngħataw, fis-27 minuta, ngħataw penalty li minnu Bryan Mbeumo xeħet fir-rokna tax-xibka filwaqt li Yoane Wissa (36) ikkonkluda mill-cross ta’ Rico Henry, bil-ballun ikun devjat mid-difensur Micky van de Ven.
Iżda ż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu fi draw ta’ 2-2 meta fis-sitt minuta tal-ħin miżjud, Emerson Royal fajjar xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa li ħasad għal kollox lill-goalkeeper Mark Flekken.
Fit-tieni taqsima, il-logħob kien bilanċjat biex finalment kien draw meritat.