Minn Cristian Muscat
Bejn illum u għada tintlagħab it-tielet ġurnata tal-Closing Round jew aħjar id-19-il waħda tal-kampjonat hekk kif l-aqwa partita hija dik bejn Hamrun Spartans u Sliema Wanderers.
Filwaqt li ko-leaders, Gzira United u Floriana jaffrontaw lil Tarxien Rainbows u lil Zabbar St Patrick rispettivament, partita mill-aktar interessanti hija dik bejn Birkirkara u Marsaxlokk.
Hibernians, li qed jimmiraw li f’din il-fażi jilagħbu fit-Top Six, jiffaċċjaw lil Mosta u finalment Valletta jiltaqgħu kontra Naxxar Lions.
Milli rajna f’dan il-Closing Round, il-partiti jidhru li se jkun mill-aktar bilanċjati hekk kif huma wkoll miftuħa għal kull riżultat.
Hamrun S. v Sliema W. – Bla dubju, din hija l-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa hekk kif iż-żewġ timijiet jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ.
Hamrun Spartans ġejjin minn draw ta’ mingħajr goals kontra Valletta filwaqt li Sliema Wanderers ġejjin minn telfa ta’ 3-1 kontra Hibernians.
L-Ispartans, li ġew imsaħħa f’dan is-suq tat-trasferimenti, qed jimmiraw li jirbħu wkoll din il-fażi wara li rebħu l-Opening Round biex jiġu nkurunati champions mingħajr il-bżonn ta’ finali deċiżiva.
Għal din il-partita, Dejan Djuric ta’ Sliema Wanderers huwa l-uniku player sospiż.
Fiż-żewġ partiti preċedenti, iż-żewġ timijiet rebħu waħda kull wieħed – Hamrun bl-iskor ta’ 1-0 u Sliema bl-iskor ta’ 2-0.
Zabbar SP v Floriana – Zabbar St Patrick u Floriana se jerġgħu jiltaqgħu fi spazju ta’ tlett ijiem wara li ż-Żabbarin eliminaw lill- Furjaniżi mill-FA Trophy fir-round tal-Aħħar 16, bl-iskor ta’ 4-2 bl-għoti tal- penalties wara li temmew fi draw ta’ 0-0.
Iżda fil-kampjonat, Zabbar ilhom ma jeħlbu lill-Greens mill-1961 meta fit-12 ta’ Marzu kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.
Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Charles M’Mombwa għal Floriana u Mayron Marques Barbosa da Rocha għal Zabbar, b’Ryan Scicluna u Kean Scicluna, jirritornaw għal dawn tal-aħħar.
Fl-ewwel partita, Floriana kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1.
Valletta v Naxxar L. – It-team tal-mument, Valletta, jilgħab kontra Naxxar Lions li ġejjin minn erba’ rebħiet minn ħames partiti taħt it-tmexxija tal-caoch il-ġdid, Winston Muscat.
Aktar minn hekk, Valletta ilhom ma jsofru goal għal dawn l-aħħar ħames partiti u jekk jirnexxielhom iżommu x-xibka intatta, jiksru r-rekord ta’ sitt partiti imbattibbli f’dan l-istaġun meta Hamrun għamlu dan għal ħames logħbiet infila bejn it-tielet u seba’ ġurnata … bejn it-13 u s-27 ta’ Settembru.
Valletta għandhom lil Steven Borg u lil Diogo Tavares sospiżi b’dan tal-aħħar ikun fadallu tlieta oħra.
Il-Beltin kienu għelbu lin-Naxxarin 1-0.
Tarxien R. v Gzira U. – Tarxien Rainbows u Gzira United jinżlu għal dan il-konfront bl-aqwa formazzjoni possibbli hekk kif ma għandhom l-ebda player sospiż.
Il-Maroons jimmiraw li jagħmlu hat-trick ta’ rebħiet meta fiż-żewġ partiti preċedenti ssuperaw lir- Rainbows 3-1 u 2-1.
Birkirkara v Marsaxlokk – Birkirkara, li ġejjin minn seba’ telfiet minn tmien ħarġiet, jaffrontaw lil Mar saxlokk li ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 fuq Tarxien.
Birkirkara għandhom lil Francisco Garrone sospiż wara li tkeċċa fit-telfa ta’ 2-0 kontra Gzira United.
Fiż-żewġ logħbiet tal- ewwel fażi, Marsaxlokk rebħu 2-1, bl-oħra tintemm fi draw ta’ 0-0.
Hibernians v Mosta – F’dan il-konfront, iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Bjorn Kristensen għal Hibernians u Emmanuel Prince Chibuzor għal Mosta.
Fiż-żewġ logħbiet ta’ qabel, Mosta ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0 bl-oħra tintemm fi draw ta’ 2-2.

