Monday, November 11, 2024

Premier League: Tispikka Manchester United v Liverpool

Aqra wkoll

Il-logħba l-aktar mistennija tat-tielet ġurnata tal- Premier League se tin­tlagħab nhar it-Tnejn fil- għaxija meta Manchester United jilqgħu lil Liverpool f’Old Trafford għalkemm hemm logħbiet oħra li għandhom l-attrazzjoni partikolari tagħhom.

Tottenham v Wolves – Il-programm jiftaħ bil-logħba li fiha Spurs jilqgħu lil Wolves li s’issa kel­lhom bidu kuntrastuż meta t- team ta’ Antonio Conte kiseb rebħa komda kontra Southampton u ħadu punt bil-ħniena kontra Chelsea.

Min-naħa tagħhom Wol­ves bdew b’telfa kontra Leeds u draw kontra Fulham u b’hekk komplew fuq l-istaġun li għadda f’dawk li huma goals meta sabu x-xib­ka darba biss. Għalihom jista’ jiddebutta l-akkwist rekord tal-club, Matheus Nunes, li ħadu mingħand Sporting Lisbon.

C. Palace v Aston Villa – Din il-logħba se tara żewġ timijiet li bejniethom kisbu rebħa biss mill-erbgħa li lagħbu. Din ġiet mill-Villa kontra Everton waqt li Cry­stal Palace ġejjin minn draw meritat kontra Liverpool f’Anfield.

Meta s-suq tat-trasferimenti jintemm fl-1 ta’ Settembru ż-żewġ timijiet jis­t­­għu jissaħħu biex jippruvaw jitilgħu ‘l fuq kemm jistgħu fil-klassifika.

Everton v Nottm F. – It-Toffeemen se jilqgħu lill- Forest f’Goodison Park meta għadhom ma ħarġux mill- ’blokki’ bil-players imweġġgħin qed iħarbtu l-pjani tal-manager Frank Lampard.

Dawn huma d-difensuri ċentrali Yerry Mina u Ben Godfrey u l-attakkant Do­mi­nic Calvert-Lewin.

Min-naħa tagħhom, il- Fo­rest jinsabu armati sew bil-players meta dan is-sajf akkwistaw xejn inqas minn 16-il wieħed.

Fulham v Brentford – Dan id-derby ta’ Londra se jara żewġ timijiet li għadhom bla megħluba fejn il-Bees bdew bi draw u rebħa “tal-ħolm” meta għelbu lil Manchester United 4-0 bir-rebħa timmatura fl-ewwel taqsima li fiha skorjaw il-goals kollha.

Leicester v Southampton – Iż-żewġ timijiet għadhom kisbu punt biss bej­niethom bl-iskor identiku ta’ 2-2 u fil-logħba l-oħra sofrew erba’ goals kull wieħed ukoll.

Leicester, li llum jin­sabu mingħajr il-goalkeeper Kasper Schmeichel, li ngħaqad ma’ Nice fi Franza jistgħu jdumu xi ftit qabel ma jidraw jilagħbu mas-suċċessur tiegħu, Danny Ward.

Bournemouth v Arsenal – Il-Gunners jinsabu fit-tieni post b’differenza tal-goals maċ-champions Manchester City wara li ż-żewġ timijiet bdew b’żewġ reb­ħiet kull wieħed, fejn Arsenal għelbu lil Crystal Palace 2-0 u lil Leicester 4-2. Min-naħa tagħhom iċ-Cherries tilfu 4-0 mas-City u wara għelbu lil Aston Villa 2-0. Il-promossi Bournemouth kisbu rebħa u telfa.

Leeds U. v Chelsea – Xejn mhu qed jifred liż-żewġ ti­mijiet f’dawk li huma punti meta s’issa kisbu rebħa u draw b’Chelsea jsofru l-goal li tellifhom żewġ punti tard fil-ħin barrani waqt li Leeds marru aħjar meta kisbu punt kontra Southampton wara li kienu żewġ goals minn taħt.

Il-Blues għamlu bosta bidliet fit-team iżda se jkol­lhom jgħaddu mingħajr N’Golo Kante għal xahar wa­ra li weġġa’ fl-aħħar logħba.

West Ham v Brighton – Il-Hammers ma kel­lhomx il-bidu li xtaqu tant li għadhom bla punt wara telfiet kontra Manchester City u Nottm Forest. Issa li se jkunu f’darhom kontra Brighton jafu jibdew triqithom ‘il fuq fil-klassifika.

Is-Seagulls kellhom bi­du mill-aqwa meta diġá għandhom erba’ punti minn żewġ logħbiet meta ma setax kel­lhom bidu aqwa meta għelbu lil Manchester United u ġew draw ma’ Newcastle.

Newcastle v Man C. – Intant illum il-Magpies jilqħu lil Manchester City biċ-champions ikunu wieħed minn żewġ timijiet li rebaħ l-ewwel żewġ logħbiet, bit-team ta’ Eddie Howe jinsab fuq erba’ punti.

Is-City, issa b’Erling Haaland fl-attakk, jafu jsibu x-xibka b’mod regolari u meta ma jiskorjax hu hemm sħabu li jagħmlu l-ħsara lill- avversarji.

Man U. v Liverpool – Ma jidhirx li dawn it-timijiet qatt iltaqgħu kontra xul­xin fil-bidu tal-istaġun min­għajr ma jkollhom rebħa bejniethom wara żewġ logħbiet.

Liverpool kisbu żewġ draws kontra timijiet mhux daqstant iffansjati, Fulham u Crystal Palace, waqt li l-United kellhom bidu diżastruż b’telfiet kontra Brighton u Brentford.

Għalhekk wieħed irid jara minn minnhom se jikseb l-ewwel rebħa f’waħda mil-logħbiet dejjem mistennija tal-istaġun.

Sport