Tuesday, February 3, 2026

Premier League: Valletta jaffrontaw lil Floriana fl-aqwa partita

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Meta llum u għada tintlagħab ir-raba’ ġurnata tal-Closing Round jew aħjar l-20 waħda tal-kampjonat, il- konfront bejn ir-rivali eter­ni, Valletta u Floriana, jispikka fuq kull partita oħra.

Bħalissa Floriana jinsabu fil-quċċata tal-klassifika flimkien ma’ Gzira United li għandhom partita diffiċli kontra Hamrun Spartans.

Sliema Wanderers, li f’din il-fażi qed jiddiżappuntaw, jaffrontaw lil Marsaxlokk filwaqt li konfront bejn żewġ timijiet tan-naħa t’isfel ta’ Malta huwa dak bejn Hibernians u Zabbar St Patrick.

Logħba oħra interessanti hija dik bejn Naxxar Lions u Mosta li t-tnejn ġejjin minn telfa filwaqt li Birkirkara se jilagħbu kontra Tarxien Rainbows li, flimkien ma’ Zabbar St Patrick u Mosta, għadhom qed ifittxu l-ewwel punt minn tliet partiti.

Valletta v Floriana – Minkejja li din il-partita se tintlagħab waqt ġurnata tax-xogħol, xorta mistennija li tiġbed folla kbira lejn Tony Bezzina Stadium.

Iż-żewġ timijiet ġejjin minn rebħa iżda l-Greens jinsabu żewġ punti fuq il-Lilywhites li huma meqjusa bħala t-team tal-mument.

Ta’ nota huwa l-fatt li filwaqt li Jake Grech qed jispikka għal Floriana, jista’ jkun li Valletta sabu ġawhra fl-akkwist  il-ġdid, l-attakkant Niġerjan, Ahmed Adeyabo Basher.

Proprju fl-ewwel dehra tiegħu, fir-rebħa ta’ 4-2 fuq Naxxar Lions, huwa skorja doppjetta kif ukoll ingħata l-unur tal-Aħjar Player tal-Logħba.

U ladarba qed insemmu dan l-unur, Grech huwa l-aktar player li rebħu b’total ta’ sitta.

Barra minn hekk, Grech huwa wkoll l-aqwa skorer Malti, b’disa’ goals, b’dan it-total huwa tnejn inqas mil-leader, Lucas Villela Iapert (Hibernians) li mar jilgħab barra minn xtutna … u wieħed inqas minn Yuri de Jesus Messias ta’ Valletta.

Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Diogo Tavares għal Valletta u Mustapha Jah għal Floriana iżda Charles M’Mombwa jirritorna għall-Greens.

Fiż-żewġ partiti preċedenti, Valletta rebħu waħda (2-0) bl-oħra tispiċċa fi draw ta’ 0-0.

Marsaxlokk v Sliema W. – Marsaxlokk, li ġejjin minn rebħa ta’ 1-0 fuq Birkirkara, jaffrontraw lil Sliema Wanderers li ġejjin minn telfa ta’ 2-0 kontra Hamrun Spartans, bil-formula tal-coach il-ġdid Pablo Doffo, jidher li għadha ma bdietx taħdem għall-Wanderers.

Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Jose Ulises    Arias għal Marsaxlokk u Dejan Djuric għal Sliema.

Fiż-żewġ partiti tal-ewwel fażi, kien hemm bilanċ assolut meta spiċċaw fi draw ta’ 1-1 u 0-0.

Gzira U. v Hamrun S. – Gzira United, li għandhom punti massimi,  jiffaċ­ċjaw lill-avver­sarji  Hamrun Spartans li rebħu l-Opening Round.

L-Ispartans se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiż, Ognjen Bjelicic.

Min-naħa l-oħra, il-Maroons għandhom liż-żewġ players, Fabricio Silva Virgens u Mihajlo Stojanovic sospiżi wara li tkeċċew fir-rebħa ta’ 2-1 fuq Tarxien Rainbows.

Fil-partita preċedenti, iż-żewġ timijiet spiċċaw fi draw ta’ mingħajr goals.

Birkirkara v Tarxien R. – Birkirkara se jkunu mmexxija mill-coach, Paul Zammit, wara t-tkeċċija ta’ Gianluca Festa biex din se tkun ir-raba’ avventura ta’ Zammit mal-Istripes.

Zammit irid idawrilhom il-fortuni hekk kif ġejjin minn disa’ telfiet minn 10 ħarġiet.

Huma għandhom lil Leandro Lautaro Lacunza sospiż filwaqt li r-Rainbows jinżlu bl-aqwa formazzjoni possib­bli.

Fl-ewwel fażi, Birkirkara kienu rebħu 4-0.

Naxxar L. v Mosta – Dan huwa konfront bilanċjat bejn żewġ ġirien rivali ta’ xulxin li jista’ jmur kull naħa.

Il-Lions huma trasformati mill-coach, Winston Muscat, minkejja li ġejjin minn telfa ta’ 4-2 kontra Valletta, filwaqt li Mosta jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika.

Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli hekk kif m’għandhomx players sospiżi.

Fil-fażi preċedenti, iż-żewġ timijiet rebħu partita kull wieħed – Mosta 3-0 u Naxxar 3-2.

Hibernians v Zabbar SP – Hibernians jiltaqgħu kontra Zabbar St Patrick hekk kif ikunu msaħħa bir-ritorn tal-captain, Bjorn Kristensen, minn sospensjoni.

Fiż-żewġ partiti preċedenti, fil-Bottom Six, iż-żewġ timijiet spiċċaw darbtejn fi draws – 2-2 u 3-3.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport