Saturday, December 21, 2024

“Premju għall-ġurnalisti kollha”

Żewġ ġurnalisti b’rikonoxximent għall-ġlieda tagħhom biex jiddefendu l-libertà tal-espressjoni

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-ġurnalisti Maria Ressa u Dmitry Muratov rebħu l-Premju Nobel għall-Paċi 2021, unur li ngħata bħala rikonoxximent prestiġġjuż talli b’kuraġġ ħaduha kontra l-mexxejja tal-Filippini u tar-Russja fejn kixfu korruzzjoni u tmexxija ħażina. Il-ġlieda tagħhom saret bil-għan li tkun protetta il-libertà tal-espressjoni, libertà li llum il-ġurnata hija mhedda mad-dinja kollha.

Il-Kumitat Norveġiż Nobel f’konferenza tal-aħbarijiet ħabbar li dawn ż-żewġ ġurnalisti nħataw dan il-premju “għall-ġlieda kuraġġjuża tagħhom għal-libertà tal-espressjoni” fil-pajjiżi tagħhom. Ix-xogħol tal-ġurnalisti madwar id-dinja kollha huwa wieħed li jġib miegħu ċerti riskji u xi drabi l-perikli tant ikunu serji li anke jitilfu ħajjithom. 

2021: 18-il ġurnalisti maqtula

Il-libertà tal-espressjoni u d-dritt tal-informazzjoni huma rrapportati mhedda u dan minħabba li persuni fil-poter, organizzazzjonijiet kriminali u kumpaniji kbar korrotti jagħmlu minn kollox biex isikktu u jwaqqfu milli toħroġ pubblika ċerta informazzjoni “sensittiva”. Barra minnhekk, il-ġurnalisti b’kuraġġ imorru jirrapportaaw ukoll missjonijiet perikolużi fosthom f’pajjiżi fi gwerer, irvellijiet, protesti, kif ukoll f’inħawi milquta minn diżastri naturali jew nirien.

Il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti (CPJ) ħabbar li bejn l-1992 u l-2021, 1,416 ġurnalisti nqatlu bl-akbar ammont ta’ ħajjiet mitlufa rreġistrati fl-2009. Waħda minn dawn il-vittmi tal-professjoni hija l-ġurnalista investigattiva Maltija, Daphne Caruana Galizia, li nqatlet b’karozza bomba erba’ snin ilu. 

Din is-sena biss, total ta’ 18-il ġurnalisti huma rrapportati li nqatlu waqt li kienu qegħdin jaqdu dmirijiethom. Dawn huma, inkluż il-post li fih tilfu ħajjithom – Borhan Uddin Muzakkir (Frar, Bangladesh); Chennakeshavalu (Awwissu, Indja); Danish Siddiqui (Lulju, Afganistan); David Beriain (April, Burkina Faso); Gustavo Sanchez Cabrera (Ġunju,Messiku); Jacinto Romero Flores (Awwissu, Messiku); Jamal Farah Adan (Marzu, Somalja); Joel Mumbere Musavuli (Awwissu, Repubblika tal-Congo); Lokman Slim (Frar, Lebanon); Maharram Ibrahimov (Ġunju, Azerbaijan); Manish Kumar Singh (Awwissu, Indja); Mina Khairi (Ġunju, Afganistan); Renante Cortes (Lulju, Filippini); Ricardo Dominguez Lopez (Lulju, Messiku); Roberto Fraile (April, Burkina Faso); Siraj Abishov (Ġunju, Azerbaijan); Sisay Fida (Mejju, Ethiopia); Sulabh Srivastava (Ġunju, India).

Bżonn ta’ protezzjoni

Ic-chairperson tal-Kumitat Nobel Norveġiż, Berit Reiss-Andersen, mal-aħbar pożittiva taż-żewġ ġurnalisti rebbieħa tal-Premju Nobel, qalet li, “fl-istess ħin, (Ressa u Muratov) huma r-rappreżentanti tal-ġurnalisti kollha li jaħdmu favur dan l-ideal f’dinja li fiha d-demokrazija u l-libertà tal-midja qegħdin jiffaċċjaw sitwazzjonijiet iebsa ħafna. Ġurnaliżmu liberu, indipendenti u bbażat fuq il-fatti jipproteġi kontra abbuż ta’ poter, gideb u propaganda għall-gwerer”.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kunsill tal-Ewropa, is-Segretarju Ġenerali Marija Pejcinovic qalet li hija ferħana ħafna li l-Premju Nobel għall-Paċi 2021 ingħata lil Ressa u lil Muratov u żiedet tgħid li, “il-libertà tal-espressjoni hija waħda mill-aktar affarijiet bażiċi u ta’ valur għall-kontinent tagħna. Hekk kif imniżżel fil-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u fil-liġi tal-Qorti ta’ Strasburgu, il-protezzjoni tal-ġurnalisti hija prijorità għall-Kunsill tal-Ewropa”.

Pejcinovic qalet li wara 15-il sena mill-mewt ta’ Anna Politkovskaya, huma sodisfatti ħafna li l-Kumitat Nobel irrikonoxxa x-xogħol kuraġġuż ta’ Dmitry Muratov u l-ġurnal tiegħu “Novaya Gazeta” talli kixef ksur serju fid-drittijiet tal-bniedem fil-kontinent Ewropew.

Russja: Premju għal sitt persuni maqtula ħalli jsiktuhom…

Mutrov iddedika l-premju tiegħu għas-sitt kontributuri tal-gazzetta tiegħu “Novaya Gazeta” li nqatlu fuq xogħlhom li kien jikkonċentra fuq ksur tad-drittijiet umani u korruzzjoni. F’messaġġ komwoventi Muratov semma’ l-ismijiet ta’ dawn il-vittmi – Igor Domnikov, Yuri Shchekochikhin, Anna Politkovskaya, Stas Markelov, Anastasia Baburova u Natasha Estemirova. 

“Dawn huma n-nies li llum rebħu l-Premju Nobel,” sostna Muratov b’referenza għall-ġurnalisti u attivisti maqtula li kienu kollegi tiegħu. Huwa qal ukoll li r-ritratti tagħhom huma fi gwarniċ imweħħel fuq il-ħitan tal-kwartieri ġenerali tal-gazzetta f’Moska.

Diffiċli tkun ġurnalista…

F’intervista ma’ Reuters fil-Manila, Ressa, li għandha 58 sena, qalet li dan il-premju huwa għarfien internazzjonali għar-rwol tal-ġurnalisti li “isewwu dinja mkissra. Qatt daqs illum ma kien daqshekk diffiċli li tkun ġurnalista,” iddikjarat din il-ġurnalista veterana li ilha f’din il-professjoni għal dawn l-aħħar 35 sena. Hija għaddiet minn snin ta’ torturi b’kawżi legali fil-Filippini li l-awtoritajiet fetħu kontriha minħabba x-xogħol investigattiv li ttella’ fuq is-sit tagħha “Rappler”.

Ressa qalet li, “qatt ma tkun taf min inti verament sakemm tasal f’punt li trid tiġġieled għal dak li temmen fih”. 

Rikonoxximent lill-ġurnalisti wara 86 sena

Dan il-Premju Nobel għall-Paċi lill-ġurnalisti huwa l-ewwel wieħed f’dawn l-aħħar 86 sena. L-aħħar li kien intrebaħ kien lura fl-1935 mill-Ġermaniż Carl von Ossietzky wara li kixef programm sigriet ta’ żieda fl-armamenti wara l-gwerra f’pajjiżu.

Muratov, li għandu 59 sena, huwa l-ewwel ċittadin Russu li rebaħ il-premju għall-paċi minn mindu l-eks mexxej Sovietiku, Mikhail Gorbachev ħadu fl-1990. Gorbachev innifsu huwa midħla u assoċjat mal-ġurnal ta’ Muratov u kkontribwixxa parti mill-flus li ngħata fil-Premju Nobel bħala għajnuna biex jitwaqqaf l-istess ġurnal. Dan seħħ fil-ġranet bikrija post-Sovjetiċi meta r-Russi kienu qegħdin jittamaw li jiksbu aktar libertà.

Ressa, hija l-ewwel persuna fl-istorja tal-Filippini li ngħatat dan ir-rikonoxximent prestiġġjuż. “Rappler”, li waqfitu fl-2012, kiseb popolarità grazzi għar-rapportaġġ investigattiv fosthom qtil ta’ diversi persuni waqt operazzjonijiet kontra d-droga mill-Pulizija.

F’Awwissu li għadda qorti Filippina ma sabithiex ħatja f’kawża ta’ libell, waħda mill-ħafna li ġew miftuħa kontra l-ġurnalista. Ressa tisħaq li hija sfat mira minħabba r-rapporti sensittivi li tagħmel dwar il-President Rodrigo Duterte.

Hija kienet waħda minn għadd ta’ ġurnalisti li fl-2018 ingħatat it-titlu tal-“Persuna tas-Sena” mit-Time Magazine għall-ħidma tagħhom kontra l-intimidazzjoni tal-midja, kif ukoll għall-battalji legali tagħha. L-inkwiet li bdiet tgħaddi minnu din il-ġurnalista wassal għal tħassib internazzjonali serju dwar it-theddida reali li hemm fuq il-ġurnalisti fil-Filippini.

Sorpriża sabiħa u tama ġdida

F’Moska, il-ġurnalista Nadezhda Prusenkova li taħdem mal-ġurnal “Novaya Gazeta” qalet li hija u l-kollegi tagħha huma sorpriżi u kuntenti mmens bl-aħbar li żewġ ġurnalisti rebħu l-Premju Nobel għall-Paċi. “Ma stennejnihiex. Lanqas kellna idea. Ovvjament ninsabu ferħanin ħafna u dan huwa pass ammirevoli,” stqarret Prusenkova.

F’dawn l-aħħar snin il-ġurnalisti fir-Russja kellhom jiffaċċjaw diffikultajiet kbar fejn ħafna minnhom kellhom jaċċettaw li jitniżżlu bħala aġenti ta’ stati barranin, titlu li huwa soġġett għal kritika pubblika u fih ħafna xogħol ta’ kitba li jrid isir b’mod uffiċjali.

Muratov min-naħa tiegħu qal li dan il-premju se jintuża fl-interess tal-ġurnaliżmu fir-Russja, pofessjoni li l-awtoritajiet lokali qegħdin jippruvaw joħonqu. “Se nippruvaw ngħinu lil dawk in-nies li issa huma rikonoxxuti bħala aġenti, persuni li huma trattati ħażin ħafna u li anke qegħdin jippruvaw ikeċċuhom mill-pajjiż,” spjega l-ġurnalist veteran.

“Ġurnaliżmu liberu, indipendenti u bbażat fuq il-fatti jipproteġi kontra l-abbuż ta’ poter, gideb u propaganda għall-gwerer”

Żewġ mexxejja bi pressjoni

Iċ-chairperson Reiss-Anderesen qalet li l-Kumitat Nobel Norveġiż ta dan il-premju biex jgħaddi messaġġ ċar dwar l-importanza ta’ ġurnaliżmu b’saħtu fi żminijiet fejn it-teknoloġija qiegħda tiffaċilita li jinxterdu aħbarijiet qarrieqa. Hija qalet, “nafu li ħafna nies huma mmanipulati bil-midja. Ġurnaliżmu bbażat fuq il-fatti u ta’ kwalità huma fil-verità ristretti u aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qegħdin ikunu limitati”.

Id-deċiżjoni mill-kumitat Nobel ittieħdet ukoll biex ikun hemm għarfien pubbliku dwar id-diffikultajiet kbar li jridu jiffaċċjaw il-ġurnalisti fuq il-lant tax-xogħol tagħhom u dan b’mod speċjali fir-Russja u fil-Filippini. F’intervista ma’ Reuters hija qalet li ma tafx x’għandhom ippjanat f’moħħhom Duterte u Putin iżda “meta jiskopru li l-attenzjoni issa waqgħet fuq il-pajjiżi li jmexxu, se jkollhom jiddefendu s-sitwazzjoni preżenti u għandi kurżità kbira biex inkun naf kif se jagħmlu dan”.

Il-pass li ħa l-Kremlin, wara l-aħbar, kien li jikkongratula lil Muratov għas-suċċess tiegħu li wasslu għal Premju Nobel għall-Paċi. Il-kelliem Dmitry Peskov qal li, “Muratov dejjem jaħdem skont l-ideali tiegħu. Huwa devot lejhom, għandu talent u huwa kuraġġjuż”.

Id-direttur tal-Istitut Internazzjonali tar-Riċerka għall-Paċi, Dan Smith, qal li dan il-premju mistenni jagħmel kuraġġ u jkun ta’ ispirazzjoni għal ġenerazzjoni ġdida ta’ ġurnalisti. Huwa qal li bl-eżempju ta’ dan iż-żewġ ġurnalisti li ngħataw rikonoxximent importanti bħal dan, jistennew li jkun hemm aktar għarfien li jwassal għal aktar protezzjoni għad-drittijiet u s-sigurtà tal-individwi kkonċernati. 

Il-Premju Nobel 2021 se jingħata fl-10 ta’ Diċembru, fl-anniversarju mill-mewt tal-industrijalist Svediż Alfred Nobel, li waqqaf dawn il-premjijiet fl-1895.

Ekonomija

Sport