Hekk kif fadal biss ġurnata biex tiftaħ il-Public Service Expo Village 25, komplew il-preparamenti kbar għall-edizzjoni ta’ din is-sena ġewwa l-MFCC, Ta’ Qali. Wara s-suċċess miksub fl-ewwel żewġ edizzjonijiet, din is-sena qed isiru sforzi akbar biex il-pubbliku jikseb l-aqwa esperjenza u kemm jista’ jkun igawdi minn dak kollu li għandha x’toffri l-amministrazzjoni pubblika – taħt saqaf wieħed.
Il-Public Service Expo Village 25 se jkollha parteċipazzjoni mill-Ministeri kollha fosthom mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, b’dipartimenti, direttorati u entitajiet jagħtu s-sehem tagħhom. Fl-Expo25 se jingħataw numru kbir ta’ servizzi mżewqa b’wirjiet, attivitajiet ta’ interess u kompetizzjonijiet. Fost il-wirjiet li se jingħataw se jkun hemm dawk tal-korpi dixxiplinati fiż-żona tal-park nazzjonali. Wieħed jista’ jsib x’jiekol u x’jixrob mill-Food Court. Se jittellgħu wkoll żewġ kunċerti mużikali minn The Palace String Orchestra u minn The Travellers. Id-dħul huwa b’xejn.
Il-ħinijiet li l-Expo se tkun miftuħa għall-pubbliku huma dawn:
L-Erbgħa, 21 ta’ Mejju min-12.30 p.m. sas-7.00 p.m.
Il-Ħamis, 22 ta’ Mejju min-12.30 p.m. sas-7.00 p.m.
Il-Ġimgħa, 23 ta’ Mejju min-12.30 p.m. sas-7.00 p.m.
Is-Sibt, 24 ta’ Mejju mill-10.00 a.m. sat-8.00 p.m (kunċert wara t-8.00 p.m.)
Il-Ħadd, 25 ta’ Mejju mill-10.00 a.m. sat-8.00 p.m (kunċert wara l-5.30 p.m.)
Id-dħul għall-pubbliku se jkun bla ħlas min-North Entrance tal-MFCC, fejn hemm spazju kbir allokat għall-parkeġġ. Min jipparkja f’postijiet oħra varji f’Ta’ Qali jista’ jutilizza Shuttle Service filwaqt li għall-anzjani hemm servizz speċjalizzat ta’ Silver T. Għal din l-edizzjoni tal-Public Service Expo mistennija jattendu numru kbir ta’ familji.
Kull min beħsiebu jżur il-Public Service Expo Village huwa inkoraġġut biex jirreġistra minn qabel minn fuq https://pseregistration.gov.mt/registrazzjoni/.
Kull min jixtieq aktar tagħrif għandu jsegwi l-paġni soċjali ta’ Facebook, Instagram, TikTok u LinkedIn tas-Servizz Pubbliku.