Thursday, December 26, 2024

Presepji statiċi u bambini fost l-affarijiet esebiti f’wirja Sagra tal-Milied fil-Fgura

Aqra wkoll

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għall-organizzaturi tal-Wirja Ġrajjet il-Fidwa li qed jippreżentaw wirja għaż-żmien tal-festi tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu u li ġġib l-isem ta’ Ġrajjet il-Fidwa fil-Milied 2021 

L-isem Ġrajjet il-Fidwa huwa sinonomu mal-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa, fejn kif bosta dilettanti jafu, il-Wirja Ġrajjet il-Fidwa ilha titella’ għal iktar minn għoxrin sena. Wara li s-sena l-oħra għall-ewwel darba ttellgħet wirja fi żmien il-Milied, din is-sena qed terġa’ titella’. Din il-wirja hija tifkira tal-festi tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Din il-wirja tikkonsisti minn bosta statwetti u bambini kif ukoll bosta presepji statiċi b’settijiet ta’ pasturi fosthom sett pasturi xogħol il-mibki Salvu Bonello kif ukoll oħrajn tad-ditta Landi fost oħrajn.

Qed tiġi esebita ukoll minjatura tal-purċissjoni tradizzjonali tal-Bambin li ssir nhar lejlet il-Milied u li tkun organizzata mis-Soċjetà tal-MUSEUM. Din il-purċissjoni bdiet titella propju 100 sena ilu. Din il-minjatura tikkonsisti minn bosta figuri maħduma mit-tafal tradizzjonali Malti xogħol ta’ Pawlu Muscat. Fost il-figuri li fiha din il-minjatura hemm tfal, daqqaqa, reffiegħa tal-fanali u l-bambin flimkien ma’ San Ġorġ Preca innifsu li kien hu li beda din il-purċissjoni.

Il-ftuħ ta’ din il-wirja sar nhar fis-7 ta’ Diċembru mis-Sindku tal-Fgura Pierre Dalli filwaqt li tbierket mill-Kappillan tal-Fgura Rev. Raymond Calleja O.Carm. Din il-wirja qed titella’ ġewwa ċ-Ċentru Ċiviku tal-Fgura. Dan jinsab fi triq Hompesch u ser tibqa’ miftuħa sal-aħħar tas-sena.

Matul il-ġimgħa tiftaħ mit-8.00am sal-4.00pm u s-Sibtijiet mit-8.00am sal-11.00am. Bejn is-27 u t-30 ta’ Diċembru tkun miftuħa bejn it-8.00am u s-7.30pm.

Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-profil tal-istess wirja fuq facebook li jġib l-isem ta’ Ġrajjet il-Fidwa Wirjiet Sagra. Għall-istess wirja ġie ppubblikat ukoll ktejjeb ta’ tifkira li jikkonsisti minn bosta artikli interessanti fuq il-festi tal-Milied fosthom tagħrif fuq il-purċissjoni tal-Bambin.      

Waqt din il-wirja qed jittieħdu l-miżuri kolla mitluba mill-awtoritajiet tas-Saħħa.

L-organizzaturi jieħdu din l-opportunità sabiex jirringrazzjaw lis-Sindku, Kunsilliera kif ukoll l-istaff  tal-Kunsill Lokali tal-Fgura li mhux biss qed joffru l-post imma talli wrew magħhom koperazzjoni kbira f’dawn l-aħħar jiem sabiex il-wirja tkun tista’ ssir kif ukoll iwasslu l-festi t-tajba lil kulħadd.

Ekonomija

Sport