Friday, November 22, 2024

Pressjoni biex Azzopardi jirriżenja mill-grupp Parlamentari tal-PN

Aqra wkoll

S’issa il-PN ma qalx x’se jiġri dwar Azzopardi

Miktub Minn VICTOR VELLA

Fl-aħħar sigħat fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kienu qed jiċċirkolaw xnigħat persistenti li kienet qed issir pressjoni biex id-Deputat Jason Azzopardi ikun konformi mal-linja tal-partit jew jirriżenja mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.  Dan wara li allegatament spiċċa taħt attakk qawwi meta daħal il-Qorti jiddefendi lil Repubblika li allegaw li membri tal-Forzi Armati ta’ Malta ħallew immigranti jegħrqu. Ir-rabja kontrih ma’ kinitx ġejja biss minn membri tal-Forzi Armati iżda minn Laburisti u Nazzjonalisti u saħansitra mill-membri Parlamentari sħabu stess.  Jidher li din il-pressjoni bdiet minn laqgħa li ssejħet nhar is-Sibt li fiha kien hemm preżenti l-Grupp Parlamentari u li wara imbagħad saret konferenza stampa.

Inewsmalta għamel kuntatt mad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Hu qalilna li “ma tarax li mhux se nirriżenja mill-Grupp Parlamentari.. Hekk tridu li jien nirriżenja imma hemm se nibqa’. Din iċ-ċajta ta’ l-ewwel ta’ April? Għadni u se nibqa’ fil-grupp Parlamentari. Għallinqas ġiegħltuni nitbissem”.

Dan is-sit għamel kuntatt ukoll mal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Hu qalilna li “le, Jason Azzopardi għadu fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.”  Nistaqsuh jekk fl-aħħar jiem sarux laqgħat li fihom issemmiet ir-riżenja, hu qalilna li “ma sarux laqgħat fl-aħħar jiem u m’hemmx riżenji”.

Għamilna kuntatt ukoll mal-eks Segretarju Ġenerali, id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli. Xtaqna nistaqsuh dwar dak li qed jingħad li intqal. Hu qalilna li “ma nafx li Jason Azzopardi irriżenja”. Mistoqsi jekk saritx xi laqgħa tal-Grupp Parlamentari fl-aħħar jiem, hu qalilna li “laqgħat isiru regolari imma jien ma niddiskutix x’jintqal fihom.”

Intant id-diċeriji li hemm jiċċirkondaw fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, qed jallegaw li saret  laqgħa li fiha iddiskutew lil  Azzopardi u li kienu diversi li tkellmu u esprimew ir-rabja tagħhom għal dak li għamel Azzopardi. 

Imma l-aktar kritika ħarxa fil-konfront ta’ Jason Azzopardi allegatament kienet mingħand l-eks Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli. Puli allegatament qal li Azzopardi imbarazza mhux biss lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista li filgħodu stess kien qed iżur l-armata u jfaħħarhom imma imbarazza lill-partit kollu u weġġa’ s-sentimenti ta’ ħafna Nazzjonalisti. Huwa qal li ma kienx komdu jiddefendi il-pożizzjoni li ħa Azzopardi kontra s-suldati ta’ pajjiżu. 

Sorsi qalulna li allegatament hu qal li mhux biss ma jaqbilx mal-attitudni negattiva ta’ Azzopardi li setgħet twassal biex suldati jintbagħtu l-ħabs imma qal li għalih mhux aċċettabbli li Azzopardi spiċċa imbarazza lill-partit għal darba wara l-oħra. Allegatament issemmew li kellhom jittieħdu deċiżonijiet drastiċi. 

L-istess sorsi qalulna li l-Viċi Kap Robert Arrigo qal li ħassu mweġġa  għax kien hu stess li irrakkomanda li Azzopardi jingħata ‘promotion’ fir-reshuffle għal Shadow Minister tal-Ġustizzja. 

Minn naħa l-oħra,  l-istess sorsi qalulna li Azzopardi jidher li sab min  jiddefendih biex ma jittieħdux passi kontrih. L-istess sorsi qalulna li allegatament fost dawk li jidher li tkellmu b’mod li jiddefenduh kien hemm  xi deputati mill-grupp li Jason Azzopardi stess kien laqqam is-’17 Blue Heroes’ li f’Jannar li għadda allegatament riedu jqaċċtu lil Adrian Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni għax kien qed jimbarazzahom b’sondaġġ wara sondaġġ b’rati ħżiena. Huma bdew isostnu li Azzopardi kien qed jagħmel xogħlu.

F’din il-laqgħa tal-grupp li ħadet madwar erba’ sigħat qam battibekk jaħraq ħafna. L-istess diċeriji qed jgħidu li  kawża ta’ dak li seħħ, allegatament wassal biex Azzopardi ma’ kienx mistieden għall-konferenza stampa tal-Sibt bil-grupp Parlamentari kollu. L-istess diċeriji qed jgħidu li dan allegatament ġie mneħħi minn kelliem fil-konferenza stampa tat-Tnejn li fiha kellu jkun kelliem ewlieni. Azzopardi ġie mwissi ukoll li jrid jagħżel bejn avukat tar-Repubblika jew deputat tal-PN. Id-diċeriji qed jgħidu li kien hawn li instema’ kliem li  f’sens li tista’ tintbagħat ir-riżenja  mill-grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.

Wara skiet totali għal jumejn sħaħ Jason Azzopardi illum ħabbar li irrinunzja li jibqa’ jassisti lill-għaqda Republika fil-każ li fetaħ kontra s-suldati tal-Forzi Armati. Fl-istqarrija tiegħu huwa ammetta fi ftit kliem li imbarazza l-partit tiegħu u fl-istqarrija tal-partit ammettew li Azzopardi kien imbarazzahom.

Il-Partit Nazzjonalista għadu ma qal xejn dwar il-battibekki li kien hemm u s’ issa qal biss li “jieħu nota ta’ din id-deċiżjoni u japprezza l-ġest ta’ irġulija muri mill-istess Dr Jason Azzopardi li ma setax jittollera sitwazzjoni fejn ix-xogħol professjonali tiegħu, kontra kull prinċipju tad-demokrazija, jintuża bl-aktar mod qarrieqi  kontra l-Oppożizzjoni/Partit Nazzjonalista u l-Kap tiegħu Dr Adrian Delia.”

Sport