Wednesday, September 17, 2025

Prestazzjoni mill-aqwa għal Keith Galea fil-Kampjonati Ewropej tat-Triathlon

Aqra wkoll

L-atleta ta’ Team Barry / Bike it up Racing Keith Galea kiseb prestazzjoni tajba ħafna hekk kif spiċċa fir-raba’ post fil-Kampjonati Ewropej tat-Triathlon li saru f’Istanbul ġewwa t-Turkija. It-triathlon kienet fuq distanza Sprint jiġifieri għawma ta’ 750m, rota ta’ 20km u tispiċċa b’ġirja ta’ 5km. Il-post fejn saret it-tellieqa kien wieħed partikolari hekk kif f’parti mir-rotta l-atleti kellhom jaqsmu bridge li jgħaqqad il- kontinenti tal-Ewropa u l-Asja.

Galea beda t-tellieqa b’pass b’saħħtu ħafna fejn irreġistra ħin ta’ 11-il minuta fl- għawma biex tela’ mill-ilma fis-sitt post. Fuq ir-rota Galea rnexxielu jkun fi grupp ta’ atleti oħra fejn sab kollaborazzjoni tajba. Ir-rotta kienet waħda intensa bi tlajja, inżul u riħ minn mal-ġenb li ma tantx għamilha faċli għall-atleti.

Galea kien għadu fis-sitt post kif beda l-ġirja imma huwa sab pass b’saħħtu u veloċi biex irkupra l-pożizzjonijiet u spiċċa dawn il-Kampjonati Ewropej fir-raba’ post f’ħin ta’ siegħa u 12-il minuta u bl-aqwa ħin personali fil-ġirja fejn għamel il-ħames kilometri f’ħin ta’ 17.40.

Galea qal li jinsab sodisfat ħafna bil-prestazzzjoni tiegħu. Vera li xtaq midalja imma ta kollox fit-tellieqa u l-ħinijiet li għamel kienu l-aqwa li qatt għamel. Huwa qal li biddel it-taħriġ tiegħu peressli kien qed jagħmel taħriġ għal tlielaq ta’ distanzi itwal u jinsab kuntent li t-taħriġ ħadem u li għadu kompetittiv fuq distanzi qosra.

Galea xtaq jirringrazzja lill-isponsors tiegħu Eurosport Malta, TEAM BARRY, Bike it up, Team Stazi, Team Fabio, Starbene Takewhey u lit-terapista tiegħu, Duncan Abdilla.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport