Monday, December 30, 2024

Prevenzjoni aħjar mill-kura

Aqra wkoll

Ma nafx jekk fil-jiem li għaddew segwejtx l-istorja dwar dak li għaddiet minnu l-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien il-Qala, Għawdex, kawża ta’ ħmieġ li joħroġ mill-gaġeġ tat-tonn. Apparti l-ħama fil-baħar, ir-ramel sabiħ ta’ din il-bajja ferm popolari spiċċa kkontaminat, u li wieħed seta’ jħoss iż-żejt meta jmiss ir-ramel. Saru spezzjonijiet mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li aktar tard ġie rappurtat li ħabbret li kienet qed tikkunsidra li timponi multi amministrattivi fuq l-operatur tal-gaġeġ tat-tonn fuq il-ksur ta’ kundizzjonijiet ambjentali.

Ġie rappurtat ukoll li l-ERA qalet li tagħmel spezzjonijiet ta’ moniteraġġ fl-ibħra u l-bajjiet Maltin u li immedjatament tieħu azzjoni kull meta tirċievi rapporti relatati fuq in-numru ta’ emerġenza li hu disponibbli kuljum.

Bir-rispett kollu lejn kulħadd, għalija dan ifisser ftit li xejn. Ovvjament m’għandix f’idejja kopja tal-kundizzjonijiet li taħthom l-operaturi ta’ dawn l-irziezet/gaġeġ tal-ħut ingħataw il-permessi jarmawhom fejn qegħdin. Li hu żgur hu li dan mhux l-ewwel sajf li xi bajja jew oħra sfaw vittma ta’ dan is-saram. Ifisser li allura m’aħna nieħdu ebda lezzjoni? Ifisser li l-kundizzjonijiet li taħthom ingħataw il-permessi mhumiex adegwati biżżejjed? Jew li mhux ikunu osservati kif inhu obbligat li jsir?

Ma jridx ikollok l-għerf li jingħad li kellu Salamun biex ma’ l-ewwel daqqa t’għajn li tagħti fejn huma ankrati l-irziezet/gaġeġ f’partijiet mill-kosta Maltija tinduna li kollox jiddependi minn fejn ikun qed jonfoħ ir-riħ, imnejn ikun ġej il-kurrent, biex ikun determinat fejn jista’ jispiċċa dak li joħroġ minnhom. Huwa sewwa li l-ERA tagħmel l-ispezzjonijiet li qalet li tagħmel, imma għaliex għandha tkun hi li tgħasses?

Għaliex l-operatur m’għandux ikollu r-responsabbiltà ewlenija u determinanti hu li jara li jkunu evitati episodji bħal dawk li seħħew fil-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien? Għax ejjew ma ninħbewx wara subgħajna: b’dak li seħħ f’Ħondoq ir-Rummien la indunaw bih l-operaturi tal-irziezet/gaġeġ tal-ħut u lanqas ma rriżulta minn xi spezzjoni ta’ moniteraġġ min-naħa tal-ERA. Indunaw bih nies li kienu Ħondoq u meta allura ‘d-diżastru’ kien laħaq wasal sewwa ‘l ġewwa. Possibbli li dawk li jkunu mal-gaġeġ ma rrealizzawx, ma rawx, x’kien ħiereġ mill-gaġeġ? Il-moniteraġġ ewlieni għandu jsir mill-operaturi nfushom. Għandhom ikunu huma li jieħdu azzjoni immedjata. Għandhom ikunu huma stess li jgħajtu lill-ERA. Li jinfurmawha b’mod immedjat b’dak li jkun seħħ.

L-ERA u l-awtoritajiet konċernati possibbli mhux qegħdin jirrealizzaw li l-multi li jistgħu jimponu m’huma jservu ta’ ebda deterrent? Għax kieku qegħdin iservu ta’ deterrent ma jkollniex ripetizzjonijiet ta’ episodji bħal dawk li seħħew f’Ħondoq.

L-ironija hi li bilkemm m’hemmx min qed iħossu b’kuxjenza safja għax it-tindif sar bi spejjeż tal-operatur, jekk wara kollox sar hekk. Tipprovawx tgħaddu ż-żmien bin-nies. Tippretendux ukoll PROSIT u GRAZZI?

Nistħajlek tistaqsini x’nippretendi. Nippretendi dak li nemmen li jiddetta s-sens komun u l-loġika. La darba l-multa tista’ ma servietx ta’ deterrent, il-konsegwenza għandha tkun eħrex u drastika: REVOKA immedjata tal-permess. Tneħħija tal-gaġeġ/irziezet.

Dejjem kien pruvat li l-prevenzjoni aħjar mill-kura. U mhux bi ftit.

Pwerili, infantili u diżgustanti

Il-kapital politiku li qiegħed jipprova jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista mill-każ traġiku ta’ Nicolette Ghirxi ma tistax tiddeskrivih aktar minn pwerili, infantili u diżgustanti. Dan filwaqt li mhux se nidħol fil-mertu tal-każ għax finalment, bħal naħseb il-maġġoranza ta’ kulħadd, li naf dwar ul-każ huwa dak li qrajt.

Imma din li għal kull ħaġa li tiġri, anke jekk ix-xemx issaħħan ż-żejjed, il-Partit Nazzjonalista jrid jipponta subgħu lejn il-Gvern u lejn xi Ministru partikolari, naħseb li qed idejjaq lil kulħadd. Bilkemm mhux qegħdin jipprovaw jagħtu l-impressjoni li l-vjolenza domestika f’pajjiżna bdiet f’Marzu 2013. Jew li bħal donnu f’dan il-qasam ma sar jew m’hu qed isir xejn. Tifhimnix ħażin. Mhux qed ngħid li mhux sew li każ b’tali portata bħal din m’għandux ikun analizzat fil-mod biex ikun magħruf sew x’ġara jew ma ġarax, jew setgħux saru affarijiet li ma sarux u għaliex.

Imma li filwaqt li jintalab li jsiru dawn l-analiżi, u intenni li naqbel li jsiru, ikun pwerili u infantili li fl-istess waqt twaddab ħtija fuq dak jew fuq l-ieħor. Taqbad u f’minuta tiddeċiedi min naqas u min ma naqasx. Kellux isir hekk jew ma kellux isir hekk. Tfassal konklużjonijiet b’mod malinn u b’intenzjoni waħda: gwadan politiku.

Diżgustanti li tipprova tagħmel kapital politiku minn traġedja. Tipprova tisfrutta ċirkostanzi ta’ niket li jkunu għaddejjin minnhom dawk l-aktar qrib ta’ vittma. Attitudni bħal din mhux biss hija diżgustani, imma kundannabbli.

Sadattant inlum lill-awtoritajiet konċernati li jżommu lura milli jagħtu informazzjoni mhux dwar każ partikolari jew ieħor, imma dwar ħidmiethom. Qed ngħid hekk għax ftit tal-jiem ilu kont qed insegwi diskussjoni radjufonika li fiha kien qed jieħu sehem is-Sur Alfred Grixti, CEO tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), fondazzjoni li permezz tal-Aġenzija Appoġġ, Aġenzija Sedqa u LEAP tipprovdi servizzi komprensivi ta’ prevenzjoni, appoġġ u trattament kemm fil-komunità kif ukoll f’ambjenti residenzjali. Smajtu jirreferi b’ċertu dettall għas-servizzi offruti dwar vjolenza domestika, fost oħrajn. Tratta dwar x-xogħol li jsir f’dan ir-rigward. U x’ħin tisma’ dawn l-affarijiet faċilment tirrealizza li mhux kollox mitluq għal riħu. Faċilment tirrealizza li tagħmel kemm tagħmel, bħal f’kull ħaġ’oħra, dejjem ikun fadal x’tagħmel għax dejjem jinħolqu ċirkostanzi differenti.

Għalhekk pwerili, infantili u diżgustanti l-kapital politiku li qed jipprova jagħmel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista minn traġedja bħal dik li laqtet lill-familja ta’ Nicolette Ghirxi.

Ekonomija

Sport