Bħala parti mill-Pride Week, saret analiżi tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza għal persuni LGBTIQ+ biex jiġu tiżviluppati għodod u taħriġ li jintegraw l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem fis-setturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika.
Dan sar waqt konferenza tat-Taqsima għall-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità u l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess (SOGIGESC), li kellha t-tema Appartenenza: Ugwaljanza fil-Ħajja ta’ Kuljum.
Aaron Giardina uffiċjal mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem semma fost oħrajn li fuq medda ta’ 12-il xahar sa Lulju li għadda, taw taħriġ f’dan il-qasam lil 500 mitt ufficjal fis-servizz pubbliku fosthom edukaturi, uffiċjali tal-pulizija u impjegati fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule fuq suġġetti relatati mal-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ+.
Fid-diskors tagħha lil konferenza, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg qalet li
“Huwa ċar li fil-klima politika internazzjonali li qed ngħixu fiha, l-ugwaljanza mhix garantita. L-ugwaljanza mhix xi ħaġa li niksbu darba u npoġġuha fuq l-ixkaffa. Hija xi ħaġa li rridu nibqgħu naħdmu għaliha. Xi ħaġa li trid tiġi mħarsa meta tkun taħt theddida, u msaħħa meta jitfaċċaw l-ixquq. L-istrateġija tagħna tħeġġiġna nimxu lil hinn mis-simboliżmu u niżguraw li kull politika, kull servizz, u kull spazju pubbliku jirrifletti l-prinċipju tad-dinjità għal kulħadd.”
Id-diskussjoni bit-titlu “Nappartjenu u Nissawru: Persuni LGBTIQ+ u l-Istorja Kollettiva Maltija” esplorat il-progress ta’ Malta fl-avvanz tad-drittijiet ċivili għall-persuni LGBTIQ+, u staqsiet jekk dan il-progress iwassalx għal sens aktar profond ta’ appartenenza kulturali u soċjali.
Id-diskussjoni analizzat kif l-identità nazzjonali tista’ kemm tafferma kif ukoll teskludi persuni queer, speċjalment f’soċjetà b’għeruq kattoliċi b’saħħithom u bidla soċjali mgħaġġla.
Għal konferenza attendew fost oħrajn uffiċjali mid-direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem hi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, għaqdiet tas-soċjetà ċivili u akkademiċi.